Titwaqqaf il-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli bejn il-Knisja u l-Gvern

Print Friendly, PDF & Email

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Gvern Malti ffirmaw ftehim għat‑twaqqif tal‑ewwel Fondazzjoni tal‑Akkomodazzjoni Affordabbli. Permezz ta’ dan il‑ftehim il‑Knisja u l‑Gvern se jaħdmu flimkien biex tiġi offruta akkomodazzjoni soċjali għal nies bi dħul baxx u medju. Inizjalment din l‑akkomodazzjoni se tiġi offruta b’kiri, b’rati inqas minn tas‑suq.

Il‑ftehim, li ġie ppresedut mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna u mill‑Prim Ministru Robert Abela, ġie ffirmat mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u minn Grazio Barbara, Direttur Ġenerali tad‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali. 

L‑Arċidjoċesi se tgħaddi lill‑fondazzjoni l‑Kunvent ta’ Santa Giovanna t’Ark li jinsab fiċ‑ċentru ta’ Ħal Kirkop, b’ċens temporanju ta’ 25 sena. Din il‑proprjetà tal‑Knisja, li ma kinitx qed tintuża u li huwa stmat li tiswa mal‑miljun ewro, se tospita l‑ewwel inizjattiva ta’ akkomodazzjoni affordabbli mmexxija minn din il‑fondazzjoni. 

Il‑Gvern min‑naħa tiegħu se jinvesti €300,000 fis‑sena għall‑ewwel 25 sena sabiex jiffaċilita l‑operat tal‑fondazzjoni. Il‑fondazzjoni se tkun tista’ takkwista artijiet u proprjetajiet biex isiru proġetti ta’ housing affordabbli għal dawk li jikkwalifikaw għalihom. 

L‑għan fit‑tul tal‑fondazzjoni hu li tipprovdi akkomodazzjoni affordabbli ta’ kwalità u li tkun ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sostenibbli. 

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li l‑għan ta’ din il‑fondazzjoni huwa wieħed nobbli għaliex se tieħu ħsieb persuni li għalkemm mhumiex fuq il‑benefiċċji soċjali xorta waħda qed isibuha diffiċli biex ikollhom post fejn jgħixu minħabba ċ‑ċirkustanzi personali tagħhom. Mons. Arċisqof qal li dan huwa eżempju konkret ieħor ta’ kif proprjetà tal‑Knisja li ma kinitx qed tintuża qed titqiegħed għad‑dispożizzjoni ta’ persuni fil‑bżonn biex id‑dinjità tal‑bniedem tiġi dejjem rispettata. Huwa fakkar fil‑kontribut kontinwu tal‑Knisja li tagħmel disponibbli proprjetajiet tagħha għal għanijiet soċjali.

Il‑Prim Ministru Robert Abela rrimarka li “f’dan il‑pajjiż irridu li kulħadd ikollu l‑opportunità li jilħaq l‑aspirazzjonijiet tiegħu u jibdel il‑ħolm tiegħu f’realtà. U dar komda fejn wieħed jgħix hija aspirazzjoni ta’ kull familja. Illum għandna l‑ikbar numru ta’ sidien ta’ djarhom u l‑inqas numru ta’ persuni jistennew akkomodazzjoni soċjali, riżultati li lħaqnihom waqt pandemija. L‑akkomodazzjoni affordabbli kienet il‑ħolqa li jmiss biex issa għandna sistema sħiħa li toffri għażliet differenti imma kollha adegwati għal nies bi dħul differenti.”

Il‑Prim Ministru esprima s‑sodisfazzjon tiegħu li din il‑fondazzjoni qed titwaqqaf bis‑sħubija mal‑Knisja. “Kif tgħallimna f’din il‑pandemija flimkien nistgħu niksbu ħafna aktar milli waħedna.   Dan se jibqa’ l‑istil li bih jaħdem il‑gvern li mmexxi jien. Nisimgħu mingħand kull min għandu sehem x’jagħti u nieħdu d‑deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex inġibu bidla pożittiva f’ħajjet in‑nies.”

It‑tmexxija tal‑fondazzjoni se tkun fdata f’idejn il‑Kunsill tal‑Amministraturi magħmul minn sitt membri, bi tliet membri jkunu maħtura mill‑Gvern u tlieta maħtura mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta. L‑ewwel chairperson tal‑Kunsill tal‑Amministraturi se jinħatar mill‑Gvern minn fost it‑tliet membri maħtura minnu, bir‑rwol jalterna kull sentejn bejn il‑fundaturi.

Il‑Ministru Roderick Galdes qal li billi toffri akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, din il‑fondazzjoni se tibqa’ tifdi l‑bżonnijiet ġodda ta’ soċjetà li qed tinbidel. Qal ukoll li l‑Fondazzjoni tal‑Akkomodazzjoni Affordabbli qed iġġib flimkien żewġ imsieħba li flimkien jaqsmu l‑impenn soċjali u r‑rieda li s‑soċjetà Maltija tkun imsejsa fuq l‑ugwaljanza u l‑ġustizzja.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: