Mal-2,000 persuna mietu jew għebu fil-Mediterran fl-2021

Print Friendly, PDF & Email

36 organizzazjoni għamlu azzjoni kommemorattiva għal dawk li mietu jaqsmu l-fruntieri bil-baħar. L-organizzazjonijiet qalu li 1,971 persuna mietu jew għebu fil-Mediterran fl-2021. L-UNHCR qalet li f’dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ nies li mietu huma u jivvjaġġaw fuq il-Mediterran qabeż it-23,000.

Fi stqarija ta’ 36 organizzazjoni qalu li l-awtoritajiet Maltin qegħdin ikomplu jonqsu mid-dmirijiet tagħhom li jipproteġu l-ħajja tan-nies li qed ifittxu ażil fiż-żona Maltija ta’ tfittxija u salvataġġ.

Huma qalu li jingħaqdu ma’ nies madwar id-dinja kollha f’vuċi waħda kontra l-vjolenza qerrieda tar-reġimi fil-fruntieri tad-dinja u appellaw lill-awtoritajiet responsabbli biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi internazzjonali u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951, u jaġixxu b’mod uman biex jipprevjenu l-imwiet u d-distruzzjoni tal-ħajja.

Huma qalu li inġabru fil-port fl-Isla biex ifakkru n-niesli mietu jew għebu b’mod sfurzat huma u jaqsmu l-fruntieri dinjija. Din l-attività hija biex jimmarkaw il-Jum Dinji ta’ Azzjoni Kommemorattiva u li jlaqqgħu b’solidarjetà mal-qraba ta’ dawk li mietu jew għebu tul il-vjaġġ tagħhom biex jappellaw favur kull azzjoni possibbli li ttemm dawn it-traġedji.

Huma qalu li huwa fatt magħruf li l-awtoritajiet Maltin jikkollaboraw mal-Gwardja tal-Kosta Libjana f’push-backs illegali. Komplew jgħidu li spiss jaraw l-awtoritajiet ta’ Malta jinjoraw is-sejħiet għall-għajjut u jirrifjutaw l-iżbark tal-persuni salvati.

Is-36 organizzazjoni qalu li ż-żamma bil-forza tan-nies fuq id-dgħajjes tal-Captain Morgan fl-2020 huwa eżempju traġiku ta’ dan. Fakkru lill-awtoritajiet li dawn in-nies huma ommijiet, missirijiet, aħwa, tfal u għandhom isem. Fakkru lill-awtoritajiet ukoll li huwa l-obbligu legali u morali tagħhom li jsalvaw il-ħajja tan-nieqs maqbuda fil-baħar.

Huma qalu li dd-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali tobbliga lill-pajjiżi li jħarsu d-dritt tal-ażil u li jittrattaw lill-persuni li qed ifittxu l-ażil bir-rispett u d-dinjità f’kull pass tal-proċess.

Appellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex joffru miżuri ta’ assistenza b’saħħithom li jiżguraw li Malta u l-Istati Membri kollha jkunu f’qagħda li joffru s-sigurtà u d-dinjità lill-immigranti li għandhom kull dritt għal dan.

Is-36 organizzazjoni huma aditus foundation, African Media Association, Anti-Poverty Forum Malta, Blue Door English, Department for Social Policy and Social Work, Department of Gender and Sexualities, University of Malta, Drachma LGBTI and Drachma Parents Group, Fondazzjoni Sebh, Free El Hiblu 3 Campaign, Great Oak Malta Association, Integra foundation, Jesuit Refugee Service (JRS),  Justice and Peace Commission – Archdiocese of Malta, KOPIN, Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, L-Għaqda għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi,  LGBTI+ Gozo, Malta Gay Rights Movement (MGRM), Malta Humanist Association, Maltese Association of Social Workers, Men Against Violence, Migrant Women Association Malta, Moviment Graffitti, OASI Foundation, Office of the Dean – Faculty of Education, Office of the Dean, Faculty for Social Wellbeing, Paulo Freire Institute Foundation, President Emeritus, Marie-Louise Coleiro Preca, Repubblika, Richmond Foundation, Segretarjat Assistenza Soċjali – Azzjoni Kattolika Maltija, SOS Malta, SPARK15, St Jeanne Antide Foundation, Sudanese Community, The Good Shepherd Sisters – Dar Merħba Bik Foundation.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: