Il-Papiet Kbar ta’ Żmienna

Print Friendly, PDF & Email

Ktieb ġdid ta’ Robert Aloisio

Irid ikollok 90 sena jew aktar biex forsi tiftakar Papa ieħor qabel Piju XII. Fil-fatt, waħda mill-ewwel xandiriet li l-Maltin qatt raw fuq it-televiżjoni kienet il-funeral ta’ Piju XII fl-1958, 64 sena ilu. Bis-saħħa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa l-Papiet ma baqgħux figuri mbiegħda imma saru wċuh familjari ma’ miljuni kbar ta’ nies madwar id-dinja, fosthom magħna l-Maltin…

Papa Ġwanni XIII daħal fi qlub il-Maltin, fost l-oħrajn, għax kien l-ewwel Papa li tkellem bi lsienna. Pawlu VI kien Papa ħabib kbir ta’ Malta, Papa pjuttost minsi li l-kobor tiegħu qed jerġa’ jiġi skopert fi żmienna. It-tbissima ħelwa tal-Papa Luciani, minkejja l-pontifikat tassew qasir tiegħu, tibqa’ magħrufa. Il-Papa maħbub Ġwanni Pawlu II kien l-ewwel Papa li ġie jżurna, u żjara waħda ma kinitx biżżejjed f’wieħed mill-itwal pontifikati fl-istorja tal-Knisja. Fit-tieni żjara tiegħu f’Malta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin. Benedittu XVI ġie jżurna hu wkoll u ddikjara l-ewwel qaddis Malti. U issa jmiss lil Franġisku, il-Papa ħabib taż-żgħir u l-batut.

Seba’ Papiet fi tmenin sena. Seba’ Papiet kbar. Seba’ Papiet ta’ fama qaddisa. Seba’ Papiet li ħallew marka fuq il-Knisja u fuq id-dinja. Seba’ Papiet umani, bil-preġji u bil-limitazzjonijiet tagħhom bħal kull wieħed u waħda minna. Luciani kien qal li kieku kien jaf li xi darba kien se jsir Papa kien jistudja iktar. Imma fil-verità ebda studju ma jista’ jkun biżżejjed għal responsabbiltà enormi bħal dik. L-aħħar sebgħa mill-265 suċċessur ta’ San Pietru fi storja twila ta’ elfejn sena.

Fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, Pubblikazzjoni Preca ħarġu l-ktieb “Papiet Kbar ta’ Żmienna” ta’ Robert Aloisio, għalliem u awtur ta’ seba’ kotba ħafna minnhom bijografiċi. Il-ktieb jista’ jiġi akkwistat minn nhar l-Erbgħa li ġej minn Preca Library, maġenb il-Kappella tal-Museum fil-Blata l-Bajda. Min isib diffikultà biex jakkwistah jista’ jibagħat email lill-awtur: robertaloisio@gmail.com jew iċempel 2122 2626.

%d bloggers like this: