Ktieb ġdid tal-Papa Franġisku dwar il-ħniena

Print Friendly, PDF & Email

Fl-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa f’Malta
Offerti speċjali fuq numru ta’ kotba
…u ktieb ġdid tal-Papa Franġisku dwar il-ħniena

Fl-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta s-Sibt 2 u l-Ħadd 3 ta’ April, iċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) tal-Franġiskani Konventwali qed joffri għall-bejgħ mill-ħwienet tiegħu Emmaus f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex numru ta’ kotba ta’ kitbiet tal-Papa Franġisku u ta’ konverżazzjonijiet li hu kellu ma’ ġurnalisti, fosthom ma’ Sergio Rubin, Francesca Ambrogetti u Andrea Tornielli, bi prezz speċjali.

Ewelieni fost dawn il-kotba hu L-id ħanina ta’ Alla, ippubblikat dan l-aħħar mid-dar tal-pubblikazzjonijiet tal-istess Patrijiet, Reliġjon u Ħajja (RuĦ). F’dan il-ktieb niskopru l-ħniena fit-tagħlim tal-Papa Franġisku kif espessa minnu stess fit-tagħlim li tana matul il-Ġublew tal-Ħniena fl-2016. Fil-ktieb L-id ħanina ta’ Alla għandna miġbura l-Bolla ta’ Indizzjoni għall-Ġublew tal-Ħniena, Misericordiae vultus; il-11-il Udjenza Ġubilari ta’ nhar ta’ Sibt; it-38 Udjenza ta’ nhar ta’ Erbgħa u l-Ittra Appostolika Misericordia et misera li biha l-Papa Franġisku għalaq il-Ġublew.

Patri Paul Darmanin OFM Conv. jikteb fil-Kelmtejn Qabel li l-kliem mimli ħniena “Anqas jien ma nikkundannak” ħareġ minn fomm il-Ħniena nnfisha: Ġesù fil-laqgħa tiegħu mal-adultera li l-kittieba u l-Fariżej ħadu quddiemu biex jaraw hux se jżomm mal-liġi jew le. Ġesù għażel il-ħniena. Dan, isostni Fr Paul, għax il-ħniena hi l-aqwa liġi u l-uniku kmandament li ħallielna: l-imħabba.

Hu jikteb li f’dan ir-rakkont il-ħniena hi protagonista u tiġi qabel kull ġudizzju u kundanna. Qabel kull ħars ikrah u ġebel fl-idejn.

L-id ħanina ta’ Ġesù mhux biss tikteb fit-trab id-dgħufija tagħna li tgħib mal-ewwel żiffa riħ, iżda fuq kollox tgħollina, terfgħana u taħfrilna dnubietna. Hi l-istess id li tiġbed ’il fuq lil Pietru meta kien se jegħreq; l-id li misset għajnejn l-agħma, it-tebut ta’ bin l-armla, il-lebbruż u id omm il-mara ta’ Pietru; u li qabdet id it-tifla ta’ Ġajru u id it-tifla mejta tal-kap tas-sinagoga. Hi l-id ħanina ta’ Alla li tidher f’ibnu Ġesù.

L-id li fl-aħħar spiċċat minfuda bl-imsiemer tal-kburija tal-bniedem. Iżda dak li hu tassew kbir huwa min hu ħanin għax qalbu mimlija mħabba.

Jikteb, Fr Paul fil-Kelmtejn Qabel, li id il-ħniena ta’ Alla għaġnet lil Adam mit-trab tal-art, l-art li tagħtina l-għajxien, in-nifs, il-ġmiel u s-serħan. Jalla anki idejna jkunu ħanina ma’ din l-art u nieħdu ħsiebha dejjem biex tieħu ħsiebna hi. Id il-ħniena ta’ Alla hi dejjem magħna anki meta idejna jgħaqqdu l-ponn u jiġbru l-ġebel tal-kundanna u naħsbu li l-maħfra hi ’l bogħod. Id il-ħniena ta’ Alla tgħallimna l-ħniena.

Bil-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu, itemm Fr Paul, il-Papa jwassal f’dan il-ktieb riflessjonijiet li jistgħu jsiru tagħna wkoll jekk nilqgħuhom u nħaddmuhom fid-dinja tal-lum li tant għandha bżonn ta’ ħniena.     

It-traduzzjoni ta’ dawn ir-riflessjonijiet għal Malti saret minn Francesco Pio Attard u John Muscat.

Ktieb ieħor hu Il-Papa Franġisku: il-ħajja u l-isfidi ta’ Saverio Gaeta – traduzzjoni ta’ Patri Edmund Teuma – ippubblikat fil-bidu tal-pontifikat tal-Papa fl-2013 u, għat-tfal, il-ktieb Għażiż Papa Franġisku li fih, f’konverżazzjoni mal-Ġiżwita Antonio Spadaro, il-Papa jwieġeb ittri ta’ tfal tad-dinja kollha. It-traduzzjoni ta’ dawn l-ittri hi wkoll ta’ Francesco Pio Attard.

Dan il-ktieb juri kemm tfal żgħar għandhom mistoqsijiet kbar x’jagħmlu lill-Papa Franġisku li mhux wieġeb għalihom u għal ħafna oħrajn, iżda wkoll jieħu l-okkażjoni biex jirringrazzja lit-tfal tal-ittri li jibgħattulu u li jieħu gost jaqrahom!  

Il-kotba jistgħu wkoll jinxtraw online fuq www.ruhmalta.com.

Michael Caruana

%d bloggers like this: