Id-dar ideali

Print Friendly, PDF & Email

Sa ftit tas-snin ilu kienu jorganizzaw The Ideal Home Exhibition fejn koppji  għarajjes  jiġu mħajra biex jixtru l-għamara u l-appliances ta’ l-aħħar moda. Imma biex wieħed ikollu d-dar (house) idejali, barra l-bini tal-ġebel u l-għamara materjali, jiħtieġlu jibni dar (home) li tkun dik il-bejta sħuna fejn il-membri tal-familja jħossuhom aċċettati u maħbubin kif inhuma u fejn tirrenja għaqda sħiħa.

Għal dan il-għan hemm bżonn li wieħed jibda mill-bidu nett, billi jnaddaf il-plot mit-terrapien tal-egoiżmu u s-suppervja. Imbagħad jibni pedament sod ta’ altruiżmu, i.e. dejjem ifittex  il-bżonnijiet u l-ferħ tal-ieħor.  Issa jmiss  il-qatran biex l-umdita’ tal-infedelta’ qatt ma titla’ fil-wiċċ u tippenetra għal ġewwa d-dar.  (Tajjeb li ninnutaw li d-dudu ta’din l-infedelta’ inħalluh ifaqqas bi ħwejjeġ żgħar,  bħal  telefonati u sms’s bla bżonn, lift għall-uffiċċju u lura, valentine card, eċċ – lil xi ħadd li mhux martek/żewġek.) 

Issa lest biex tibda tibni filati ta’ ħiliet fil-komunikazzjoni tajbin, immaniġġar tajjeb tal-konflitti, ftehim, nifhmu lil xulxin, ippjanar naturali tal-familja u parental skills. Dawn kollha tista’ takkwistahom bi rħis u bla VAT minn Kana Construction Company.

Saqqaf  b’konvinzjoni reliġjuża li tgħinek tafda ħajtek fil-Mulej u ġġielgħek tħoss il-bżonn li ssaħħaħ lilek innifsek bis-Sagramenti mqaddsa.  B’hekk tkun tista’ tirċievi dawn id-doni u valuri sbieħ minn Alla bi spirtu u dispożizzjoni tajba.

Kaħħal ix-xquq u t-toqob kollha bl-imħabba – dik l-imħabba li ma tafx limiti, li tagħti bla ma tistenna li tirċievi lura u li tkun lesta għal kull sagrifiċċju personali, kbir kemm ikun kbir.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, bajjad il-ħitan u s-soqfa b’ottimiżmu ferrieħi u mbagħad agħti t-tieni passata b’fiduċja sħiħa f’Alla,  li jitma’ l-għasafar tal-ajru u jlibbes il-ġilju tal-għelieqi. B’hekk mhux se jinsa lilna uliedu. Min jirnexxilu jagħmel hekk, jawgura li jkollu dar li, għalkemm forsi nieqsa minn xi kumdita’ jew oħra materjali, imma ma tkunx nieqsa minn dawk il-valuri li jagħġnu familja idejali.

(Idejat meħudin minn fuljett parrokkjali ta’ raħal Amerikan)

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: