Bżonn urġenti ta’ soċjetà ta’ mħabba”

Print Friendly, PDF & Email

Papa Franġisku: “Il-gwerra fl-Ukrajna tfakkar il-bżonn urġenti ta’ soċjetà ta’ mħabba”

Is-Sibt 23 ta’ April, parteċipanti li qed jieħdu sehem f’konferenza dwar il-Kardinal Leo Jozef Suenens, iltaqgħu mal-Papa Franġisku fis-Sala Pawlu VI. Il-Qdusija Tiegħu faħħar il-ħidma tal-Assoċjazzjoni FIAT, li organizzat is-simpożju biex tesplora l-wirt tal-fundatur tagħha il-mibki Kardianl Belġjan, u l-assistenta tiegħu Veronica O’Brien.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-membru tal-grupp kariżmatiku biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-ħidma essenzjali tal-evanġelizzazzjoni, li qal hija fil-qalba tal-missjoni tal-Knisja. “Iktar minn qatt qabel, aħna msejħin biex inkunu protagonisti ta’ Knisja li toħroġ, taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal, li hekk kif is-sekularizzazzjoni qed tinżel aktar fil-fond fis-soċjetà globali, l-Knisja teħtieġ li l-Insara jagħtu xhieda aktar konvinċenti tal-professjoni tal-fidi tagħhom u tal-“fjamma tat-tama”. Huwa indika l-ħafna kriżijiet li qed tiffaċċja d-dinja, speċjalment bil-gwerra fl-Ukrajna, li jfakkru “l-urġenza ta’ soċjetà ta’ mħabba”.

“F’għajnejn ħutna li saru vittmi tal-kruhat tal-gwerra, naraw il-bżonn profond u urġenti għal ħajja mmarkata bid-dinjità, bil-paċi, u bl-imħabba.”

Il-Papa Franġisku żied jgħid, li l-Verġni Marija, tista’ tgħallimna kif ngħixu bi spirtu missjunarju li nkunu viċin ta’ min ibati, hekk kif niftħu qalbna għalihom. “Irridu nimxu magħhom, niġġieldu magħhom għad-dinjità umana tagħhom, u nxerrdu l-imħabba ta’ Alla kullimkien”.

Il-Papa Franġisku kompla jappella biex il-Knisja tgħin fil-bini ta’ soċjetà li fiha r-relazzjonijiet fraterni u t-trattament uman tal-oħrajn jiffurmaw il-pedament. L-imħabba lejn l-oħrajn, filwaqt li kkwota l-enċiklika tiegħu ‘Fratelli tutti’, “tqanqalna biex infittxu l-aħjar għal ħajjithom. Biss billi nikkultivaw dan il-mod ta’ relazzjoni ma’ xulxin nagħmlu possibbli ħbiberija soċjali li ma teskludi lil ħadd u fraternità miftuħa għal kulħadd”.

Il-Qdusija Tiegħu temm ir-rimarki tiegħu lill-Assoċjazzjoni FIAT, billi ħeġġiġhom joffru lid-dinja messaġġ mimli umanità permezz tal-kliem u l-azzjonijiet tagħhom.

“Jalla tiġbdu mis-sors tat-tjubija u l-verità permezz tat-talb u l-missjoni, u ssibu s-saħħa fil-komunjoni ma’ Kristu Rxoxt biex taraw id-dinja b’ħarsa pożittiva u b’ħarsa ta’ mħabba, tama, mogħdrija u tenerezza, b’attenzjoni speċjali lejn in-nies vulnerabbli u emarġinati”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-04/pope-francis-fiat-association-symposium-war-crisis.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: