Din hija mistoqsija li lkoll kemm aħna, bħala nsara-kattoliċi, għandna nagħmlu lilna nfusna kuljum. Jekk f’ħajjitna ma nagħtux il-veru valur li hemm marbut mall-Kelma ta’ Alla għalina nkunu qed nirriskjaw li ma naslu qatt biex ngħixu is-sejħa ta’ Alla għalina bħala nsara. Ilkoll kemm aħna ninsabu ibbumbardjati minn ilħna li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu mhux biss fil-kwantità u diversità imma wkoll fil-kwailtà u l-qawwa tagħhom.
L-ilħna tal-politiċi, ilħna tan-negozjanti li jridu jbiegħu l-prodott tagħhom, ilħna li ma jaqblu xejn mall-valuri tagħna bħalma huma dawk favur l-abort, l-ewtanasja u issa nake d-droga u ħafna ilħna oħra li nisimgħu kuljum. Biżżejjed naraw il-qawwa li għandhom il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali fuq ħajjitna. Imma fost dawn l-ilħna li f’kompetizzjoni bejniethom qed jkattru l-għajta tagħhom biex ikaxkruna warajhom u nagħmlu dak li jgħidulna huma, liema priorità qed nagħtu lill-leħen ta’ Alla, lill-Kelma ta’ Alla?
L-ARĊISQOF FRANCIS-XAVIER NGUYǞN VÃN THÂUN

F’din ir-riflessjoni tiegħi dwar il-valur u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla f’ħajjitna nixtieq nagħmel riferenza għall-biografija li ħallielna l-Arċisqof Francis-Xavier Nyuyan Van Thaun li aktar tard sar Kardinal u llum Venerabli. Huwa għex fil-Vietnam Komunista bejn l-1928 u miet ġewwa Ruma fis-sena 2002 fl-età ta’ 74 sena. Kien Isqof ta’ Nha Trang (1967-75), aktar tard Arċisqof Koadjatur ta’ Saigon (1975-94) u fl-aħħar Arċisqof ta’ Valdesi (1975-2001). Fl-1975 ġie kkundannat għal 15-il-sena ħabs mid-dittatura komunista f’pajjiżu għal xejn, għall-unika raġuni li kien nisrani.
Fil-biografija li dan il-Venarabbli Kardinal ħallielna, jirrakonta:
“Fil-ħabs ta’ Phukhanh, fil-Vietnam, il-priġunieri Kattoliċi daħħlu bil-moħbi kopja tal-4 Evanġelji. X’għamlu? Ferrqu l-ktieb tal-Evanġelji folja folja u kull wieħed stinka biex jitgħallem dik il-paġna li tmiss lilu bl-amment. Fil-ħin li l-ħabsin kienu jaqraw bil-moħbi l-folja mill-Evanġelju, jekk kienu jisimgħu l-passi tal-gwardjani ġejjin, billi l-art kienet kollha ramel, biex ma jinqabdux, kienu jaħbu l-folja ġor-ramel.
Filgħaxija, x’ħin jitfulhom id-dawl, kull priġunier, wieħed wara l-ieħor, kien jgħid il-folja tal-Evanġelju li hu jkun tgħallem bl-amment.
Kien impressjonanti fid-dlam tal-ħabs tisma’ jinqraw il-mirakli u l-passjoni ta’ Kristu. Kien tassew Evanġelju ħaj. Konna nisimgħu lil Kristu jkellimna fl-Evanġelju”, ikompli jirrakonta l-Kardinal dwar l-esperjenza tiegħu u ta’ sħabu l-priġunier fil-ħabs. Huwa jtemm din l-esperejnza billi jikteb li: “Anke dawk il-priġunieri li ma kienux insara, kienu jisimgħu l-Kliem tal-Evanġelju b’qima u rispett. Ħafna kienu jgħidulna li veru li l-Kelma ta’ Alla hija ‘Spirtu’ u ‘Ħajja’”.
X’esperjenza din! Lili almenu taffaxxinani. Naħseb li anke lilkom il-qarreja għandha tolqotkom u fl-istess waqt tgħina niskopru aktar l-valur u l-qawwa li l-Kelma ta’ Alla fiha. U dan għax hi l-Kelma ta’ Alla! Kienet din il-Kelma li żammet ħajja u mimli tama lill-Venerabbli Kardinal Francis-Xavier matul il-presekuzzjoni kiefra u umiljanti li għadda minnha matul il-15-sena ħabs.
X’INHI U X’GĦANDA TKUN IL-KELMA TA’ ALLA GĦALINA?
- Hija l-għajn tal-Verità
- U r-regula ewlenija tal-fidi tagħna (Dei Verbum n.21)
Fis-Salmi nsibu li l-Kelma ta’ Alla hija:
- Musbieħ għal riġlejna
- Dawl għall-mogħdija
Għalhekk kif ikompli jgħidilna d-Dokument ‘Dei Verbum’ tal-Konċilju Vatikan II, il-Kelma ta’ Alla hija mxebbħa mall-ikel:
- L-ikel tal-Iskrittura li ddawwal l-moħħ
- Isaħħaħ ir-rieda
- Jixgħel il-qlub tal-bnedmin bl-imħabba ta’ Alla (DV n.23)
Ikompli jgħidilna l-istess dokument li għalina l-insara, bħala wlied il-Knisja, il-Kelma ta’ Alla:
- Hija qawwa tal-fidi
- Ikel tar-ruħ
- Għajn safja ta’ ħajja spiritwali
ID-DMIR TAGĦNA QUDDIEM IL-KELMA TA’ ALLA
Hawnhekk nistgħu nippreżentaw il-ħames passi meħtieġa li bħala nsara għandna nwettqu bl-akbar imħabba u rispett quddiem il-Kelma ta’ Alla bil-għan li din tħalli l-ġid fina lkoll.
- Is-smiegħ tal-Kelma. Nibdew minn hawn għax kif jgħidilna San Pawl: “Il-fidi mis-smiegħ u s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla”
- Tirrifletti dwarha. Importanti li tifhimha. Tħaddem l-inteliġenza li Alla żejjnek biha.
- Tilqagħha bil-qalb miftuħa. Bl-akbar imħabba.
- Tgħixha. Inpoġġuha fil-prattika tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.
- Nipproklamha. Inxandarha. Ma nżommhix għalija imma nfittex li nkun evanġelizzatur permezz ta’ ħajti u mhux inqas permezz tax-xandir tal-Kelma ma’ dawk li ngħix magħhom, ma’ dawk li Alla jlaqqgħani magħhom.
U jekk nagħmlu dan il-Mulej iwgħedna l-ħajja ta’ dejjem!
Il-Mulej jagħtikom is-sliem!