Il-Papa Franġisku jħeġġeġ għall-verità wara l-bumbardament tal-Għid fis-Sri Lanka

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, il-Papa Franġisku esprima l-viċinanza tiegħu mal-familji tal-vittmi tal-bumbardament, li seħħ 3 snin ilu, f’Ħadd il-Għid fis-Sri Lanka, u ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jiżvelaw il-verità wara l-attakki, u qal li din se twassal għall-paċi. Huwa talab ukoll biex il-pajjiż ikun jista’ jegħleb l-agħar kriżi ekonomika tiegħu minn mindu ħa l-Indipendenza.

Il-Papa kien qed jindirizza madwar 3,500 Kattoliku mis-Sri Lanka u li dawn jaħdmu fl-Italja, inkluż delegazzjoni tal-familji tal-vittmi u dawk li ħelsuha mill-attakki terroristiċi bil-bombi fl-2019. Dawn kienu mmexxija mill-Kardinal Malcolm Ranjith ta’ Colombo.

Madwar 270 persuna kienu nqatlu, inklużi mill-inqas 45 ċittadin barrani u madwar 500 ndarbu, hekk kif 3 knejjes u 3 lukandi lussużi ntlaqtu f’serje ta’ attakki terroristiċi.

Meta tkellem mal-grupp ta’ Sri Lanka, fi tmiem il-Quddiesa ċċelebrata mill-Kardinal Ranjith, il-Papa Franġisku nnota li dawn inġabru hemm biex jimmarkaw “l-anniversarju tal-ġrajjiet traġiċi li, f’Jum il-Għid tal-2019, inżergħet il-mewt u terrur fis-Sri Lanka”.

“Illum offrejtu s-Sagrifiċċju Ewkaristiku b’suffraġju għall-vittmi ta’ dawk l-attakki terribbli, u tlabtu għal dawk li ġew midruba – li wħud minnhom huma preżenti hawn – u għall-familji tagħhom, kif ukoll għall-poplu kollu tas-Sri Lanka. B’qalbi kollha ningħaqad magħkom fit-talb”.

Waqt li assigurahom bit-tislima tal-Għid tal-Mulej Irxoxt, “il-Paċi magħkom”, il-Papa kompla jgħid: “Quddiem l-orrur u l-assurdità ta’ ċerti atti, li jidhru impossibbli li jsiru min-nies, huwa evidenti li dan huwa x-xogħol tal-Ħażin”. Qal li dan jispjega għaliex “l-Iben ta’ Alla, l-Qaddis Innoċenti, l-Ġust, kellu jmut imsallab biex isalvana”. “Hu ħa fuqu mhux biss il-mewt, imma l-moħqrija tal-ħażen, tal-mibegħda, tal-vjolenza fratriċida. Is-Salib Tiegħu u l-Qawmien tiegħu huma dawl ta’ tama fl-aktar dlam oħxon”, hekk qal il-Papa, filwaqt li ħeġġeġ lill-Kattoliċi tas-Sri Lanka biex “jitolbu għall-vittmi kollha tal-vjolenza u l-gwerra, speċjalment fejn hemm it-terroriżmu”.

Il-Papa Franġisku mbagħad għamel appell lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka, dwar il-bombi fl-Għid. “Jekk jogħġobkom, b’imħabba għall-ġustizzja, b’imħabba għall-poplu tagħkom, ħalli jkun ċar darba għal dejjem min kienu responsabbli għal dawn il-ġrajjiet.” Il-Papa kompla jgħid: “Dan se jġib il-paċi lill-kuxjenza tagħkom u lil pajjiżkom”.

Il-Qdusija Tiegħu qal lill-Kattoliċi li jrid jingħaqad magħhom ukoll biex jitlob għal art twelidhom, li huwa żar fl-2015. “Ejjew nitolbu għall-awtoritajiet, għal dawk li għandhom responsabbiltajiet soċjali u edukattivi u għall-poplu kollu,” qal il-Papa. “Jalla d-diffikultajiet preżenti jissolvew bl-impenn u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd”. Hawn il-Papa kien qed jirreferi għall-agħar kriżi ekonomika tas-Sri Lanka fl-istorja tagħha mill-indipendenza tagħha mill-ħakma Brittanika fl-1948.

Fi tmiem it-tislima tiegħu, l-Papa Franġisku ta l-barka tiegħu lill-komunità tas-Sri Lanka, u stedinhom jitolbu għall-Knisja fis-Sri Lanka biex din timtela bl-Ispirtu s-Santu u bil-ferħ li jħabbar l-Evanġelju ta’ Kristu s-Salvatur. “Jalla d-diffikultajiet preżenti jiġu solvuti bl-impenn u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-04/pope-francis-meets-sri-lanka-delegation-victims-easter-bombings.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: