Il-Papa jgħid lill-ispiżjara Kattoliċi li għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku faħħar lill-ispiżjara għall-impenn tagħhom waqt il-pandemija tal-Covid-19, u fakkar li għandhom rwol soċjali kritiku fis-soċjetà. “L-ispiżjara huma bħal ‘pont’ bejn iċ-ċittadini u s-sistema tas-saħħa”, qal il-Papa. Il-kummenti tiegħu saru t-Tnejn, waqt udjenza ma’ 15-il membru tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ispiżjara Kattoliċi.

Fl-indirizz tiegħu, l-Qdusija Tiegħu nnota li l-pandemija tal-Covid-19 poġġiet lill-ispiżjara “fuq quddiem” u ħeġġiġhom jappoġġjaw lil xulxin. F’dan ir-rigward, huwa feraħ lill-Federazzjoni talli ħadet l-opportunità tal-kriżi biex tagħti impuls ġdid lill-impenn assoċjattiv tagħha li, huwa nnota, “huwa tipiku tat-tradizzjoni Kattolika”.

Meta tkellem dwar ir-rwol soċjali tagħhom, il-Papa qal li l-ispiżjara joffru kontribut doppju għall-ġid komuni. Minn naħa, iħaffu l-piż fuq is-sistema tas-saħħa, fiwaqt li min-naħa l-oħra “ittaffu t-tensjoni soċjali”. “Naturalment, dan l-irwol irid jintlagħab bi prudenza u professjonalità kbira, iżda għan-nies il-viċinanza, l-pariri u l-familjarità li għandha tkun tipika tal-kura tas-saħħa ‘għal bniedem’ huma aspett importanti ħafna”, l-Papa rrimarka.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kompla sejjaħ l-attenzjoni għall-kontribut li l-ispiżjara jistgħu jagħtu biex jgħinu n-nies jinbidlu “għal ekoloġija integrali”.

“Aħna lkoll imsejħin nitgħallmu stil ta’ ħajja li jirrispetta aktar l-ambjent li Alla poġina fih, tad-dar komuni tagħna. Mod tajjeb ta’ kif tiekol u, b’mod ġenerali, ta’ kif tgħix huwa wkoll parti minn dan l-istil ta’ ħajja”.

Għalhekk irrimarka li l-ispiżjara jistgħu “jedukaw” lin-nies biex jgħixu ħajja aktar b’saħħitha, ispirata wkoll mill-għarfien u l-prattiċi ta’ kulturi oħra bħal dawk tal-Lvant, jew dawk tal-popli indiġeni tal-Amerika. L-Papa żied jgħid, li l-ispiżjara jistgħu jgħinuna wkoll biex “niżvelaw informazzjoni qarrieqa dwar ‘benessri’ falz” u jedukawna għal “ħajja tajba” tassew, “li mhix privileġġ ta’ ftit imma li tista’ tintlaħaq minn kulħadd”.

Il-Papa Franġisku temm billi afda lill-ispiżjara Kattoliċi għall-interċessjoni tal-Verġni Marija u l-patrun tagħhom, San Ġwanni Leonardi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-tells-catholic-pharmacists-they-play-a-crucial-social-role.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading