Il-Papa: “Il-Knisja trid tgħin biex titfejjaq il-qerda tal-bniedem”.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 19 ta’ Mejju, l-Istitut tal-Psikoloġjia fl-Università Pontifiċja Gregorjana ospita konferenza fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. L-Papa Franġisku bagħat it-tislima tiegħu lill-parteċipanti f’messaġġ li jirrifletti dwar il-kontribut li l-istitut ta lill-Knisja fl-aħħar nofs seklu.

“Waqt li timxu mal-prinċipju Injazjan tal-‘cura personalis’, ħejjejtu speċjalisti li kapaċi jintegraw l-ispiritwalità u l-psikoloġija f’attivitajiet appostoliċi u edukattivi, f’diversi kuntesti ġeografiċi u kulturali tal-Knisja.”

L-istitut twaqqaf fl-1971 biex jipprepara diretturi spiritwali fis-seminarju, formaturi tal-vokazzjonijiet, u edukaturi permezz ta’ preparazzjoni psikoloġika estensiva. L-Papa Franġisku qal li l-Istitut qabad l-isfida mnedija mill-Konċilju Vatikan II biex jintegra diversi dixxiplini biex jgħinu jiffurmaw irġiel u nisa li jwasslu lill-oħrajn “għal ħajja ta’ fidi aktar adegwata u matura”.

Il-Papa nnota li l-konferenza tal-Ħamis ma kinitx iffukata fuq il-glorji tal-passat, iżda li jkomplu jibnu fuq “il-wirt prezzjuż biex jiġu trattati l-isfidi tal-futur”. It-tema: ‘Adam, fejn int?’ qal il-Papa Franġisku, tolqot id-dinja tal-lum b’enfasi partikolari u “tqanqalna u tistedinna għal eżami serju ta’ kuxjenza u konverżjoni.” Huwa lmenta li “t-traġedja terribbli tal-gwerra qed terġa tqajjem rasha, li hija l-agħar konsegwenza tad-distruttività tal-bniedem, kemm individwali kif ukoll sistemiku, li mhix qed titieħed bis-serjetà biżżejjed u ma tiġix ittrattata u eliminata kif suppost mill-għeruq”

Il-Papa Franġisku qal li l-Knisja tħares lejn l-Istitut Gregorjan tal-Psikoloġija għal “servizz ta’ kwalità” bil-għan li tgħin lill-fidili “jgħidu le għall-ħażen, kif ukoll biex jerfgħu lil dawk lid-dinjità tagħhom hija feruta jew offiża”.

“Il-missjoni tagħkom hija għas-servizz tal-promozzjoni tal-persuna umana u l-proċess kontinwu ta’ evanġelizzazzjoni, li jsir billi jissarraf f’eżistenza umana reali d-don suprem tal-Fidwa mwettqa mill-Mulej Ġesù Kristu”.

B’dan il-għan f’moħħu, l-Papa temm il-messaġġ tiegħu b’inkoraġġiment biex l-Istitut jgħin biex tifforma “Knisja li toħroġ lejn il-periferiji eżistenzjali tal-bnedmin tal-lum”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-francis-gregorian-psychology-conference-message.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: