Il-Papa lill-Kummissjoni Migrazzjoni: “Agħti wiċċ lill-azzjoni ta’ karità tal-Knisja”

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali Kattolika dwar il-Migrazzjoni (ICMC), fl-okkażjoni tal-Kunsill Plenarju tagħhom li beda fl-istess jum.

Il-Qdusija Tiegħu ħataf l-opportunità biex jenfasizza xi punti biex jiggwidaw id-dixxerniment tagħhom, hekk kif qed jiltaqgħu biex iwettqu tliet kompiti importanti: l-għażla tal-kumitat tat-tmexxija l-ġdid tal-Kummissjoni, l-approvazzjoni tal-istatut l-ġdid, u d-determinazzjoni tal-liji gwida operattivi tagħha għas-snin li ġejjin.

Filwaqt li rrifletta dwar ‘raison d’être’ tal-Kummissjoni, l-Papa nnota li din twaqqfe fl-1951 mill-Papa Piju XII, sabiex “tifforma netwerk fost il-Konferenzi tal-Isqfijiet madwar id-dinja biex tgħinhom fil-kura pastorali tagħhom mal-migranti u r-refuġjati,” u hija espressjoni kolleġġjali tal-attività pastorali tal-isqfijiet, li jaqsmu, f’komunjoni mal-Papa, t-tħassib għall-Knisja universali “f’rabta ta’ paċi, mħabba u għaqda”.

Il-Kummissjoni, kompla l-Papa, hija distinta minn organizzazzjonijiet oħra li joperaw fis-soċjetà ċivili u fil-Knisja, minħabba n-natura u l-missjoni ekkleżjali tagħha. Għal din ir-raġuni, hija nkluża fil-Kostituzzjoni Appostolika “Predicate Evangelium”, bħala waħda mill-kompetenzi tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem. Għalhekk, il-Kunsill Plenarju jirrappreżenta lill-Konferenzi tal-Isqfijiet differenti affiljati mal-Kummissjoni u r-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien biex “jilqgħu, jipproteġu, jippromwovu u jintegraw lill-migranti u r-refuġjati”.

Il-Papa Franġisku ddistingwa żewġ binarji għall-missjoni ekkleżjali tal-Kummissjoni: ‘ad intra’ u ‘ad extra’. Huwa qal li filwaqt li l-Kummissjoni hija primarjament msejħa biex toffri għajnuna lill-Konferenza tal-Isqfijiet u d-Djoċesijiet fir-rispons tagħhom għall-isfidi tal-migrazzjoni, tistinka wkoll biex “tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kura pastorali għall-migranti u t-taħriġ speċjalizzat tal-pastorali għall-ħaddiema fil-qasam tal-migrazzjoni” għas-servizz b’mod partikolari għall-Knejjes.

Fuq livell ‘ad extra’, l-Papa nnota li l-Kummissjoni hija msejħa biex twieġeb għall-isfidi globali u l-emerġenzi migratorji f’komunjoni mal-Knisja lokali. Aktar minn hekk, hija mpenjata fil-promozzjoni bħala organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fuq livell internazzjonali, u tesprimi l-impenn tal-Knisja għall-għarfien internazzjonali usa’ dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. B’dan il-mod, il-Papa Franġisku qal, “trawwem ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tippromwovi d-dinjità umana skont id-duttrina soċjali tal-Knisja”.

Imbagħad il-Papa rringrazzja lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħha f’dawn l-aħħar 70 sena, li b’mod partikolari għenet lill-Knejjes jirrispondu għall-isfidi tal-ispostament tan-nies ikkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna. Huwa enfasizza wkoll “il-miljuni ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil. Refuġjati u persuni spostati f’partijiet oħra tad-dinja, li għandhom bżonn iddisprat li jiġu milqugħa, protetti u maħbubin”.

“Bħala Knisja nixtiequ naqdu lil kulħadd u naħdmu b’ħeġġa biex nibnu futur ta’ paċi. Għandkom l-opportunità li tagħtu wiċċ lill-attività ta’ karità tal-Knisja f’isimhom!”

Temm il-messaġġ tiegħu billi talabhom jitolbu għalih, il-Papa estenda l-awgurju tiegħu għall-produttività tal-ħidma tal-Kummissjoni u assigura lill-membri bit-talb tiegħu għalihom.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-icmc-migrants-refugees-message-migration-commission.html

%d bloggers like this: