Librerija tal-Palazz Appostoliku, Vatikan
BELT TAL-VATIKAN – “Merħba! Qed taraw? Qed nuża s-sedja ġestatorja l-ġdida!” Hekk iċċajta l-Papa meta rrefera għall-fatt li qed juża s-siġġu tar-roti minħabba l-uġiegħ fi rkopptu. Il-Papa sellem personalment lil kull editur ta’ ġurnali ġiżwiti ewropej.
B’kollox kien hemm 10 edituri preżenti, fosthom tliet lajċi li tnejn minnhom huma nisa (l-edituri tal-Iżvizzera u tal-Ingilterra). L-oħrajn kienu Ġiżwiti.
Il-laqgħa mal-Papa kienet il-bidu ta’ laqgħa ta’ tliet ijiem li huma jagħmlu kull sena. Is-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà ta’ Ġesù, Father Arturo Sosa, kien ukoll preżenti. “Jiena ma ppreparajt l-ebda diskors,” beda biex qal il-Papa, “għaldaqstant, jekk tridu, staqsu mistoqsijiet. Jekk ikollna djalogu bejnietna, il-laqgħa tagħna tkun isbaħ.”
Imbagħad huwa wieġeb sitt mistoqsijiet dwar kif iħares lejn il-Knisja u d-dinja. Il-ġurnali rispettivi preżenti ppubblikaw traskrizzjoni sħiħa ta’ dan id-djalogu fl-14 ta’ Ġunju 2022.
Il-Papa Franġisku, Putin u n-NATO
Ġimgħatejn qabel iltaqa’ ma’ dawn l-edituri, il-Papa Franġisku ħoloq agħa meta ġurnal taljan ikkwotah li qal li jaħseb li l-President Russu Putin beda gwerra kontra l-Ukrajna għaliex kien qed iħossu mhedded bin-NATO wara biebu. Numru ta’ aġenziji tal-aħbarijiet waslu għall-konklużjoni li l-Papa jemmen li n-NATO għandha wkoll parti mill-ħtija ta’ din il-gwerra.
Il-Papa qal lill-edituri li dik il-kwotazzjoni kienet fil-fatt minn kap ta’ stat li ġie jżuru ftit xhur qabel ma bdiet il-gwerra.
Il-Papa qal hekk: “Dan il-kap ta’ stat qalli li hu jinsab inkwetat ferm bil-mod kif qed timxi n-NATO. U meta staqsejtu għaliex, hu qalli: ‘Marru jinbħu wara l-bibien tar-Russja. Dawn ma jifhmux li r-Russi huma imperjalisti u mhu se jħallu l-ebda qawwa barranija tersaq lejhom.’ U kompla jgħidli: ‘Din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal gwerra.’ Din kienet l-opinjoni tiegħu”, qal il-Papa. “Dan il-kap ta’ stat kellu l-ħila jaqra s-sinjali ta’ dak li kien se jiġri.”
Biex nifhmu dak li qed jiġri u biex tieqaf il-gwerra, qal, “importanti li mmorru lil hinn mill-mudell ta’ ‘Little Red Riding Hood’ — Little Red Riding Hood dejjem kienet fit-tajba u l-lupu dejjem kien il-ħażin.”
“Xi ħadd jista’ jgħidli: Mela inti favur Putin! Le, minix,” qal il-Papa. “Tkun simplistika wisq u ħażin li tgħid xi ħaġa bħal din. Jiena sempliċiment kontra li nirriduċu din il-ħaġa kumplessa billi noqogħdu niddistingwu bejn min hu tajjeb u min hu ħażin mingħajr ma nirriflettu dwar l-għerq ta’ kollox u l-interessi li hemm fin-nofs. U dawn huma kumplikati. Filwaqt li aħna qegħdin naraw il-krudeltà tat-truppi Russi, m’għandniex ninsew x’inhuma l-problemi veri jekk irridu nsolvuhom.”
Kontra l-krudeltà, qal il-Papa, id-dinja rat “l-eroiżmu tal-poplu Ukren”, iżda kulħadd jeħtieġ jiftakar li “dak li hemm quddiem għajnejna hija sitwazzjoni ta’ gwerra dinjija, interessi globali, bejgħ ta’ armi u ħtif ta’ nazzjon, u dan qed iġib il-martirju ta’ poplu eroj.”
Il-Papa Franġisku żied jgħid li filwaqt li hu u l-Patrijarka Ortodoss Russu Kirill ta’ Moska, li jżomm ma’ Putin, ħassru laqgħa fil-Libanu li kienet maħsuba għal nofs Ġunju, huwa jittama li jiltaqa’ mal-Patrijarka fil-Kungress Dinji tal-mexxejja tar-reliġjonijiet dinjija u tradizzjonali li għandha ssir fil-Każakistan fl-14 u l-15 ta’ Settembru, u “nitkellem daqsxejn miegħu bħala ragħaj.”
Uħud aktar jiftakru l-Konċilju ta’ Trentu mill-Vatikan II
Parti sew mid-djalogu tal-Papa mal-Edituri Ġiżwiti iffoka dwar sinjali ta’ ħajja ġdida fil-Knisja Kattolika u sinjali li hemm min baqa’ mwaħħal fil-passat imbiegħed.
“Il-konċilju li xi wħud mir-rgħajja jiftakru l-iżjed huwa dak ta’ Trentu” li seħħ fl-1500, qal il-Papa, u żied jgħid li mhux qed jiċċajta. “Dak li qed ngħid mhuwiex bla sens.” Huwa tkellem dwar it-tiġdid li kien mistenni wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni. Madanakollu it-tagħlim ta’ dan il-Konċilju “għadu ma ġiex aċċettat.”
Il-Papa qal li għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin ilna naraw sforzi biex jiġi aċċettat il-Konċilju Vatikan it-tieni u biex ngħixu l-fidi b’mod konkret u b’mod krejattiv. Il-Papa wera l-punt tiegħu billi tkellem dwar dak li osserva fi ħdan is-Soċjetà ta’ Ġesù fis-snin sebgħin fi żmien meta kien Superjur Ġenerali l-Ġiżwita Pedro Arrupe.
“Ġiżwita mill-provinċja ta’ Loyola (fi Spanja) kien partikularment aggressiv lejn Patri Arrupe. Intbagħat f’diversi postijiet u anke l-Arġentina, u dejjem qala’ l-inkwiet,” qal il-Papa. “Darba kien qal lili stess: ‘Inti bniedem li ma tifhem xejn. Imma l-veri ħatja huma Parti Arrupe u Patri (Jean-Yves) Calvez. L-iktar jum f’ħajti meta nkun kuntent ikun meta narahom imdendlin mal-forka fi Pjazza San Pietru.’”
“Għax qed ngħidilkom dan?” kompla l-Papa. “Biex tifhmu kif kien iż-żmien ta’ wara l-Konċilju. U l-istorja qed tirrepeti ruħha speċjalment mat-tradizzjonalisti. Għalhekk huwa importanti li nsalvaw dawn il-figuri li ddefendew il-Konċilju u l-fedeltà lejn il-Papa.”
Kif jaħsibha l-Papa dwar il-mixja sinodali tal-Ġermanja
Il-Ġiżwita Patri Stefan Kiechle, editur tal-ġurnal ġermaniż Stimmen der Zeit, staqsa dwar kif jaħsibha l-Papa dwar il-mixja sinodali tal-Ġermanja, li xi kritiċi sostnew li se tibdel l-knisja f’denominazzjoni Protestanta.
Il-Papa Franġisku spjega li hu kien tkellem mal-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża, l-Isqof Georg Bätzing u qallu: “Fil-Ġermanja diġà hemm Knisja Evanġelika tajba. M’għandniex bżonn li jkollna tnejn.”
“Il-problema tqum meta l-mixja Sinodali tiġi mill-intellettwali, mill-elite teoloġiċi, u meta tkun influwenzata minn pressjonijiet minn barra,” qal il-Papa. Madanakollu hu rrikonoxxa wkoll li “hemm djoċesijiet fejn il-mixja sinodali qed tinbena mal-fidili, man-nies, bil-mod.”
Patri Kiechle staqsa wkoll dwar tensjonijiet li hemm fl-Arċidjoċesi ta’ Cologne minħabba l-mod kif ġew trattati każi ta’ abbuż u dwar il-finanzi, u dwar il-kap tal-Arċidjoċesi, il-Kardinal Rainer Maria Woelki.
“Meta l-qagħda kienet imqallba ħafna, kont tlabt lill-arċisqof biex jitlaq għal xhur, sakemm l-affarijiet jikkalmaw, u jien inkun nista’ nara l-affarijiet ċari. Għax meta l-ilma jkun imqalleb, ma tkunx tista’ tara ċar.” Qal il-Papa. “Meta l-kardinal reġa’ lura fil-bidu ta’ Marzu, jiena tlabtu jikteb ittra ta’ riżenja, iżda ħallejtu fil-kariga biex nara l-affarijiet kif se jevolvu.”
“Li qed jiġri hu li hemm ħafna pressure groups, u meta tkun taħt pressjoni ma jkunx possibbli li tagħmel dixxerniment,” qal il-Papa. “Qed nistenna li ma jkunx hemm pressjoni biex inkun nista’ nagħmel dixxerniment. Il-fatt li hemm opinjonijiet differenti, dan huwa tajjeb. Il-problema tkun meta jkun hemm pressjoni. Għax dik ma tgħinx.”
Antonio Spadaro. Papa Francesco in conversazione con i direttori delle riviste culturali europee dei gesuiti. 18/06/2022. – Rapport gĦal-Laikos minn Fr Roy Galdes.