Il-militar Niġerjan stqar li ġew arrestati xi persuni suspettati li kienu wara l-attakk fatali ta’ Ħadd Pentekoste fuq Knisja Kattolika fl-Istat ta’ Ondo, n-Niġerja. Fil-5 ta’ Ġunju, irġiel armati kienu daħlu fil-Knisja Kattolika ta’ San Franġisk f’Owo, fejn qatlu xejn inqas minn 40 fidil u darbu mill-inqas 80 persuna oħra.
Nhar it-Tlieta, waqt laqgħa mal-midja, l-Kap tal-Istaff tad-Difiża, l-Ġeneral Lucky Irabor, għamel tħabbira inizjali tal-arrest ta’ erba’ suspettati. Jumejn wara, l-Kmand Għoli Militari żvela li żewġ suspettati addizzjonali marbuta mal-attakk ta’ Owo kienu ġew miżmuma.
Il-Ġeneral Irabor qal li l-arresti inizjali saru fl-1 ta’ Awwissu f’operazzjoni konġunta militai/DSS (Direttorat tas-Servizz tal-Istat) f’Eika, Żona tal-Gvern Lokali ta’ Okehi tal-istat ta’ Kogi. Spjega li l-awtoritajiet kienu riedu jippreżentaw is-suspettati lill-pubbliku immedjatament “iżda ma stajniex nagħmlu hekk għax xi investigazzjonijiet għadhom għaddejjin”.
Wieħed mis-suspettati arrestati huwa membru ta’ grad għoli tal-ISWAP – hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent, qal il-Ġeneral Irabor, filwaqt li żied lis-suspettat kien qed “jippjana attakki aktar fatali u kien ipperfezzjona dawk il-pjanijiet mal-kompliċi tiegħu qabel ma kienu maqbuda”. L-Kap tal-istaff tad-Difiża ta l-assigurazzjoni tiegħu li “maż-żmien, id-dinja se tara lilhom u oħrajn li huma wara attakki vjolenti oħra fil-pajjiż”.
L-arrest tad-9 ta’ Awwissu taż-żewġ suspettati l-oħra ġie żvelat fi stqarrija maħruġa mill-Kap tal-Uffiċċju Stampa tal-Ministeru tad-Difiża Niġerjana, l-Maġġ. Ġen. Jimmy Akpor, kkonferma li ġew arrestati f’Omialafara, Żona tal-Gvern Lokali ta’ Ose, fl-Istat ta’ Ondo. Sadanittant, il-Gvernatur tal-Istat ta’ Ondo, Arakunrin Akeredolu, rrapporta li kienet arrestata wkoll persuna oħra li żammet is-suspettati qabel l-attakk.
Wara l-attakk tal-5 ta’ Ġunju, l-Papa Franġisku bagħat telegramma fejn wassal is-sogħba u l-qrubija spiritwali tiegħu lin-nies ta’ Owo “għall-att ta’ vjolenza li ma tistax titlissen”. Il-Qdusija Tiegħu talab ukoll għall-erwieħ tal-mejtin għall-ħniena ta’ Alla u talab għall-fejqan u konsolazzjoni divina fuq il-midruba u dawk li kienu mnikkta.
L-attakk ta’ Owo ġibed ukoll il-kundanna minn diversi partijiet, inklużi gruppi ċivili u reliġjużi, li appellaw lill-gvern biex jagħmel aktar biex jiżgura l-protezzjoni tal-ħajja u l-proprjetajiet taċ-ċittadini tiegħu, speċjalment qudiem l-attakki kuraġġużi li qed jiżdiedu mill-ħallelin.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-08/nigeria-owo-attack-arrest-catholic-church-military-ondo.html