Min jitkabbar jiċċekken 

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 28 ta’ Awwissu 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn u Għoxrin Ħadd tas-Sena. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Huma qagħdu għajnejhom fih” (Lq 14:1). Hekk naqraw fl-istorja ta’ meta Ġesù kien mistieden għall-ikla għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej – ikla ma’ wieħed mill-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien –  f’jum is-Sibt. Imma filwaqt li dawk li kienu hemm qagħdu jinnotaw lilu, hu wkoll qagħad jinnota lilhom u nnota żewġ affarijiet partikulari.

X’innota Ġesù

L-ewwel nett innota kif il-mistednin kienu f’ġirja għall-ewwel post, il-postijiet ta’ quddiem. U nnota wkoll kif il-mistednin kienu kollha ta’ ġewwa, ħbieb li setgħu jroddu pjaċir bi pjaċir. Għalhekk Ġesù jieħu l-okkażjoni tal-ikla biex iwassal żewġ messaġġi importanti. L-ewwel messaġġ kien lill-mistednin: tfittxux il-postijiet ta’ quddiem, tagħżlux l-aħjar post. Imbagħad messaġġ lil min stiednu: tistedinx bil-ħsieb li ħaddieħor iroddlok il-pjaċir li tkun għamiltlu.

Tinnutaw li din l-ikla hi okkażjoni biex Ġesù jwassal il-messaġġ tiegħu ta’ stil ġdid ta’ ħajja, mod ġdid kif għandna ngħixu jekk irridu nkunu dixxipli tiegħu. Hu messaġġ li jwasslu proprju fil-qalba tal-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien, li spiss kienu jkunu f’polemika miegħu; magħhom Ġesù qatt ma kien jonqos li jitkellem ċar.

Hawn Ġesù mhux qed jgħid biss x’għandek tagħmel waqt ikla; iktar minn hekk, qed jgħid x’għandek tagħmel fil-ħajja, kif għandek iġġib ruħek f’ħajtek. Huma żewġ affarijiet importanti ħafna fuq kif Alla jrid li nġibu ruħna ma’ xulxin, anke jekk l-istil tas-saltna ta’ Alla xi kultant ma jaqbilx mal-mod kif diversi nies jirraġunaw, anzi ssib diversi nies li jirraġunaw il-kontra.

Kun umli

L-ewwel messaġġ li Ġesù jagħtina għall-ħajja hu dan: kun umli, titkabbarx, tkunx supperv, tkunx arroganti. Fil-ħajja faċli li wieħed jiffissa li jrid jieħu l-aħjar, l-ewwel post, bis-sewwa jew bid-dnewwa, u biex jagħmel dan jgħaffeġ fuq ħaddieħor jew jaqbeż lil ħaddieħor. Issib min jirraġuna: tagħtix każ l-oħrajn, aħseb għal rasek.

Ġesù qed jgħid: fis-saltna ta’ Alla l-ewwel jiġu dawk li kapaċi japprezzaw il-valur tal-oħrajn, ma jippruvawx iwarrbuhom fil-ġenb jew jagħmluhom tapit biex jgħaddu minn fuqhom, imma jistmawhom. Huma dawk li ma jitkabbrux. Għalhekk jgħid: “min jitkabbar jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar” (Lq 14:11). Kif smajna wkoll bi kliem ċar fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb ta’ Bin Sirak: “Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel…akbar ma int, aktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej…ma hemmx duwa għal bniedem kollu kburija” (Bin Sirak 3:17-18.28).

Aħseb f’dawk li ma jaħsbux fihom

It-tieni messaġġ ta’ Ġesù hu dan: fil-ħajja dak li tagħmel agħmlu bil-qalb u mhux bil-ħsieb li ħaddieħor iroddlok lura għal dak li tkun għamilt. Dan jgħinek biex taħseb f’dawk in-nies li ħafna ma jaħsbux fihom. Innutaw kif dan li jgħid Ġesù hu l-kontra tal-mod kif nirraġunaw xi kultant, meta ngħidu “pjaċir jitpatta bi pjaċir”. Is-saltna ta’ Alla hija ta’ dawk li kapaċi jaħsbu fl-oħrajn bla interessi.

Dawn kienu ż-żewġ messaġġi ta’ Ġesù f’din l-ikla, li huma wkoll messaġġi għall-ħajja tagħna llum. L-esperjenza stess tal-ħajja turina li meta ngħixu hekk, isbaħ tkun il-ħajja tagħna u nagħmlu isbaħ il-ħajja ta’ ħaddieħor.

Għex dak li għallem

Imma Ġesù mhux biss għallem dan, imma għex dan li għallem. Hu ċċekken u ħa l-aħħar post. Hekk kienet ħajtu kollha sa fuq is-salib. U hu għamel kollox bil-qalb, mhux bil-ħsieb li jroddulu lura; u għalhekk ħaseb fil-foqra, fl-imwarrbin, f’dawk li mhumiex stmati. B’hekk wera bil-fatti kif Alla jittratta magħna u kif iridna nittrattaw lil xulxin.

Nitolbu lil Ġesù: int li ċċekkint u ma fittixtx l-ewwel post, int li ħsibt dejjem fl-oħrajn u l-aktar f’dawk li huma mwarrbin, għinna biex inkunu nixbhuk f’ħajjitna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: