Bħal daż-żmien, sittin sena ilu, f’Ruma kienu qed isiru l-aħħar tħejjijiet għal dak li baqa’ magħruf bħala l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Il-ħidma kienet ilha għaddejja kważi tliet snin, imma fil-Bażilika ta’ San Pietru u fil-Kurja Rumana kollha kienu għadhom qed isiru l-aħħar irtokki.
Din ma kinetx l-ewwel darba li fil-Knisja Kattolika kien ser isir konċilju għax qablu kien hemm għoxrin oħra. Imma qabel ma nidħlu fil-ġrajja nfisha tajjeb li niċċaraw għaliex dawn il-laqgħat tal-Isqfijiet li nafuhom bħala konċilji, huma msejjħa wkoll ekumeniċi.