F’Novembru, l-Papa Franġisku se jivvjaġġa lejn il-Bahrain

Print Friendly, PDF & Email

Ġie skedat, li l-Papa Franġisku bejn 3 sas-6 ta’ Novembru 2022 se jivvjaġa lejn il-pajjiż tal-Golf Persjan tal-Bahrain. Din l-istqarrija ġiet maħruġa mid-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede nhar l-Erbgħa, fejn ntqal li l-Papa aċċetta l-istedina tal-awtoritajiet ċivili u ekkleżjali tal-pajjiż.

Matul il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu, l-Papa se jżur il-bliet ta’ Manama u Awali “fl-okkażjoni tal-Forum tal-Bahrain għad-Djalogu: Lvant u Punent għall-Koeżistenza tal-Bniedem”.

Il-programm u aktar dettalji tal-Vjaġġ se jiġu ppubblikati aktar tard. Il-Papa Franġisku se jkun l-ewwel Papa li jżur dan il-pajjiż.

Fid-19 ta’ Mejju 2014, il-Papa Franġisku kien irċieva f’udjenza fil-Vatikan, lir-Re tal-Bahrain, lill-Maestà Tiegħu Hamad bin Isa Al Khalifa. Skont stqarrija tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ta’ dak iż-żmien, diskussjonijiet kordjali bejn ir-Re tal-Bahrain u l-Papa ffukaw fuq diversi temi ta’ interess komuni, “b’referenza partikolari għall-impenn lejn il-paċi u l-istabbilità fil-Lvant Nofsani, kif ukoll il-promozzjoni ta’ djalogu u l-koeżistenza paċifika fost il-membri kollha tas-soċjetà”. Dakinhar kien issemma wkoll il-kontribut pożittiv tal-komunità Nisranija għall-pajjiż, u “ġie espress apprezzament għall-interess personali tal-Maestà Tiegħu fil-bżonnijiet tal-komunità Kattolika lokali”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-francis-apostolic-journey-bahrain-interreligious-dialogue.html

%d bloggers like this: