Il-Papa jitlob għall-Ukrajna martirizzata

Print Friendly, PDF & Email

Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku dawwar il-ħsibijiet tiegħu lejn l-Ukrajna “martirizzata”, minħabba l-gwerra li għaddejja bħalissa li ġabet magħha l-invażjoni tar-Russja fi Frar li għadda. L-Papa talab għall-pajjiż, u qal li “qed ibati ħafna” u “l-imsejken poplu qed jiġi ppruvat b’tant krudeltà”.

Il-Qdusija Tiegħu nforma wkoll lill-poplu ta’ Alla li kien miġbur fi pjazza San Pietru għall-Udjenza li kien għadu kemm tkellem mal-Kardinal Konrad Krajewski, Prefett tad-Dikasteru għall-Qadi tal-Karità, li għadu kemm irritorna mir-raba’ vjaġġ tiegħu fl-Ukrajna, u l-informa lill-Papa bis-sitwazzjoni “terribbli” ta’ dak li qed jiġri hemmhekk. “Ejjew naħsbu fl-Ukrajna u nitolbu għal dan il-poplu martri”, qal il-Papa Franġisku.

Qabel il-Festa liturġika tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel li tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Settembru, l-Qdusija Tiegħu stieden lill-poplu miġbur biex jitolbu għall-Korp tal-Ġendarmerija tal-Vatikan li għandhom bħala patrun lil San Mikiel Arkanġlu. L-Papa talab biex il-Korp tal-Ġendarmerija dejjem jimxi fuq l-eżempju tal-qaddis Arkanġlu u biex il-Mulej ibierikhom għall-ġid kollu li jagħmlu. Hu talab ukoll biex il-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel, li se niċċelebraw il-Ħamis tista’ “ġġib f’kull wieħed fedeltà sinċiera mal-pjanijiet divini”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-francis-general-audience-appeal-ukraine-gendarmerie.html

%d bloggers like this: