Il-Papa liż-żgħażagħ tal-Komunità ‘Shalom’: “Komplu kunu kreattivi”

Print Friendly, PDF & Email

Kunu kreattivi, akkoljenti u doċli għall-Ispirtu s-Santu u l-Knisja fil-mixja missjunarja tagħkom. Il-Papa Franġisku ta dan il-mandat ta’ sfida liż-żgħażagħ tal-Moviment ‘Shalom’ meta nhar it-Tnejn laqgħahom fil-Vatikan waqt li kienu qed jiltaqgħu Ruma għall-konvenzjoni ta’ ħames snin, u li qed timmarka l-40 sena mit-twaqqif tiegħu.

Il-Komunità Kattolika twaqqfet f’Fortaleza, l-Brażil, fl-1982 minn Moysés Louro de Azevedo Filho u Maria Emmir Oquendo Nogueira, biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ ikunu żrieragħ ta’ bidla u bennejja tal-paċi, fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Ftit snin wara espandiet għal pajjiżi oħra madwar id-dinja, u fl-2007, ġiet rikonoxxuta mill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi bħala assoċjazzjoni internazzjonali ta’ dawk li jemmnu. Llum, ‘Shalom’ hija preżenti fi 33 pajjiż, għandha 1,500 missjunarju tal-Komunità tal-Ħajja, u madwar 10,00 missjunarju tal-Komunità tal-Patt, minbarra l-membri attwali tax-Xogħol Shalom. Il-membri tagħhom għandhom it-tradizzjoni li jmorru pellegrinaġġ Ruma kull ħames snin biex joffru ħajjithom lil Alla għall-evanġelizzazzjoni tal-popli kollha quddiem il-Qdusija Tiegħu.

Il-Papa Franġisku rringrazzja lill-fundaturi għar-rimarki introduttorji tagħhom, u b’mod partikolari, talli ftakru fiċ-ċirkostanzi li fihom twieled il-Moviment Kattoliku ‘Shalom’, jiġifieri waqt ċelebrazzjoni Ewkaristika f’Fortaleza. Dam, qal, ifakkarna li, “Hu l-Ispirtu s-Santu li jġiegħel lill-Knisja tgħix, li jmexxiha ‘l quddiem”.

Waqt li wieġeb għat-testimonjanzi ta’ ħames żgħażagħ minn pajjiżi differenti, l-Qdusija Tiegħu rrifletta dwar kif nipperseveraw fil-ħbiberija ma’ Alla f’“dinja mqanqla,u nispiraw niex oħra fl-ambjenti tagħna bil-messaġġ tal-Evanġelju; dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-Knisja; dwar l-importanza tal-ħbiberija mal-foqra; u dwar il-preżent u l-futur tal-Komunità ‘Shalom’”.

Dwar l-ewwel mistoqsija ppreżentata minn żagħżugħa jisimha Fabiola, l-Papa ffoka fuq il-ħtieġa li “noqgħodu ma’ Ġesù” u fl-imħabba Tiegħu, “li missu l-qlub tan-nies, inkunu fejn inkunu, f’kull ambjent”. Il-bqija, żied jgħid, “jagħmel l-Ispirtu s-Santu”.  

Rigward l-importanza tat-tmexxija taż-żgħażagħ fil-Knisja, l-Papa Franġisku għal darb’oħra enfasizza l-importanza li “nisimgħu liż-żgħażagħ”, nitkellmu ma’, u naqsmu l-esperjenzi magħhom. Irrimarka li tkun żagħżugħ “mhux li jkollok saħħa fiżika ta’ żagħżugħ, imma dwar iż-żgħażagħ fl-ispirtu”, kif fakkar il-Papa San Ġwanni Pawlu II, li wissa kontra l-“paternaliżmu” lejn iż-żgħażagħ. Bħala eżempji ta’ protagoniżmu u qdusija taż-żgħażagħ fil-Knisja, l-Papa semma lill-Beatu Carlo Acutis, San Piergiorgio Frassati, San Gabriel tal-Verġni Addolorata, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, u wkoll lil San Franġisku u Santa Klara ta’ Assisi.

Meta wieġeb il-mistoqsija dwar “ħbiberija mal-ifqar aħwa”, l-Papa Franġsiku ġibed l-attenzjoni għall-eżempju straordinarju ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta, li ħarġet issib lill-Mulej Ġesù “f’wiċċ il-poplu abbandunat”.

Filwaqt li rrifletta fuq il-preżent u l-futur tal-Moviment ‘Shalom’, wara x-xhieda ta’ żewġ żgħażagħ dwar l-esperjenza tagħhom, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-parteċipanti biex iżommu ħaj “l-entużjażmu missjunarju” tagħhom li, matul is-snin, ta ħajja “lir-realtà ekkleżjali, li issa tinkludi mhux biss żgħażagħ, iżda wkoll familji, nies li qed jgħixu ċ-ċelibat u impenjati fil-missjoni, kif ukoll saċerdoti”. L-Papa qalilhom biex ma jżommux il-fidi tagħhom f’“mużew”. Il-Papa fakkar li l-isem tal-moviment ‘Shalom’, jenfasizza l-kariżma tiegħu: “Din il-paċi rrikonċiljatkom ma’ Alla, magħkom infuskom u ma’ ħaddieħor u iss pruvaw għadduwha lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom”.

Il-Papa Franġsiku nsista wkoll fuq in-natura Kattolika tal-moviment:

“Intom poġġejtu ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, l-Adorazzjoni, l-Qrar fiċ-ċentru. Intom vvalutajtu l-predikazzjoni, l-mużika, t-talb kontemplattiv individwali u komunitarju. Dan huwa tassew il-‘Kattoliku’ u ġid ineżawribbli li nsibu fil-Knisja u li minnu rridu nieħdu dejjem”.

Filwaqt li fakkar li sa mill-bidu tagħha, l-Komunità ‘Shalom’ kien appoġġata b’mod attiv mill-mibki Kardinal Aloísio Lorscheider, dak iż-żmien Arċisqof ta’ Fortaleza, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-membri tagħha “biex jibqgħu doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu, miftuħa għas-smigħ reċiproku u għall-linji gwida tal-Knisja, sabiex tagħrfu bl-aħjar mod kif tkomplu l-vjaġġ tagħkom”.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku bierek lill-pellegrini u talab l-għajnuna ta’ San Franġisk ta’ Assisi, ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù u tal-Verġni Marija fil-vjaġġ tagħhom li huma għaddejjin minnu.

“Jalla San Franġisk ta’ Assisi u Santa Tereża ta’ Ġesù jakkumpanjawkom fil-vjaġġ tagħkom. Jalla l-Verġni Marija, mudell ta; kull donazzjoni lill-Mulej, iżżomm fikom l-ispirtu ta’ fiduċja u abbandun lejn il-Missier, u tgħinkom tipperseveraw fl-għażla tagħkom. Jalla l-Mulej jilqa’ d-don ta’ ħajjitkom u jsostnikom bil-grazzja tiegħu. Inbierkkom kordjalment u nitlobkom, jekk jogħġobkom biex titolbu għalija”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-to-youth-of-shalom-community-continue-to-be-creative.html

%d bloggers like this: