Fil-gazzetta ‘OSSERVATORE ROMANO’, li hija l-gazzetta uffiċjali tas-Santa Sede, deher artiklu bl-isem ta’ ‘Il-messaġġi perikolużi ta’ Halloween’. Min kiteb l-artiklu kkwota lill-espert tal-Liturġija Dun Juan Maria Canals li qal: “Il-festa tal-Halloween għandha kurrenti ta’ okkultiżmu u hija assolutament anti-Kristjana.”
Matul ix-xahar ta’ Novembru tista’ taqra aktar dwar x’taħseb il-Knisja Kattolika dwar il-Festa tal-Halloween, fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin.
F’artiklu minnhom niltaqgħu ma’ Dun Stein fejn jirrakkonta dwar it-tbatijiet li l-poplu Nisrani ta’ Brazzaville fil-Kongo jinsab għaddej minnhom, fosthom in-nuqqas kbir ta’ ilma. Artiklu ieħor jagħtina tagħrif dwar id-Dehra tal-Madonna tal-Karmnu, f’Aylesford, l-Ingilterra lil San Xmun Stock (1165-1265), patri Karmelitan li dehritlu l-Madonna u tagħtu l-Iskapular Kannella li sar parti mil-libsa tal-Patrijiet Karmelitani.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.