Il-Papa Franġisku kiteb il-prefazju għal ktieb ġdid tal-ġurnalist Vatikanista Taljan Francesco Grana, tal-gazzetta “Il Fatto Quotidiano”, li ġabar l-appelli bla għadd tal-Papa għall-paċi fl-Ukrajna. Huwa semma l-ktieb “Un enciclica sulla pace in Ucraina” (Enċiklika tal-paċi fl-Ukrajna), il-ktieb huwa ppublikat minn Edizioni Terra Santa.
Dan il-ktieb se jitnieda uffiċjalment fis-6 ta’ Diċembru fil-Bażilika ta’ Santa Marija in Montesanto f’Ruma, fil-preżenza tal-Arċisqof Rino Fisichella, pro-prefett tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, flimkien mar-rettur tal-Bażilika, Mons. Walter Insero; Fr. Rusan Mykhalikiv, rettur tas-Seminarju ta’ Vorzel, fl-Ukrajna; u tal-artisti Ukreni Oleksandr Klymenko u Sonia Atlanova.
Fil-prefazju, ppubblikat nhar it-Tnejn minn “Il Fatto Quotidiano”, l-Papa Franġisku jirrifletti fuq it-tama fil-perspettiva Nisranija, dwar l-inġustifikabbiltà u l-insensibbiltà tal-gwerra, u dwar id-dmir ta’ kulħadd li jsostni l-paċi b’mod attiv.
Il-Papa jibda b’mod sinifikanti b’kwotazzjoni mir-rumanz famuż Taljan “I Promessi Sposi”, tal-kittieb Taljan Alessandro Manzoni: “Qatt ma sibt lill-Mulej biex jibda miraklu mingħajr ma spiċċah.” Qal li din is-sentenza ispirat il-motto li għażel għas-Sena tal-Ġublew 2025: “Pellegrini ta’ tama”.
F’dan ir-rigward jinnota li Benedittu XVI offrielna enċiklika meraviljuża dwar it-tama, ‘Spe salvi’, li fiha l-Papa emeritu jenfasizza l-qawwa tat-tama Nisranija fost l-avversitajiet ibbażati fuq il-fiduċja fil-fidwa ta’ Kristu, u fuq iċ-“ċertezza li l-Mulej jaqbadna minn idejna u jerfagħna għax ma jridniex nibqgħu mal-art”.
“L-insara jrid ikollhom il-ħarsa ta’ Kristu, li tħaddan minn taħt, li tfittex lil min hu mitluf, bil-mogħdrija. Din hi, u trid tkun, il-ħarsa tal-Knisja, dejjem, il-ħarsa ta’ Kristu, mhux il-ħarsa li tikkundana”.
Fid-dawl ta’ dan, il-Papa Franġisku jinsisti li l-ebda Nisrani ma jista’ jagħti ġustifikazzjoni morali jew reliġjuża lill-gwerra “bla sens u midgħi” fl-Ukrajna, u ta’ kull gwerra, li “toffendi l-isem l-aktar qaddis ta’ Alla”.
“Aħna, bnedmin ta’ Alla li nxandru l-Evanġelju tal-Irxoxt, għandna d-dmir li ngħaqqdu din il-verità tal-fidi: Alla hu Alla tal-paċi, tal-imħabba u tat-tama. Alla li jridna lkoll aħwa, kif għallimna Ibnu Ġesù Kristu. Il-kruhat tal-gwerra, ta’ kull gwerra, toffendi l-isem l-aktar qaddis ta’ Alla. U noffenduh saħansitra aktar jekk ismu jiġi abbużat biex jiġġustifika qtil ta’ ħafna nies li ma jitfissirx”.
Filwaqt li jtenni l-kliem tal-Papa Piju XII lejlet li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Papa Franġisku għal darb’oħra jwissi li “fil-gwerra, kulħadd jitlef”, anki “dawk li ma ħadux sehem fiha u li, f’indifferenza kodarda, qagħdu jħarsu, u taraw dan l-orrur mingħajr ma jintervjenu biex iġibu l-paċi”. Tabilħaqq, jgħid, “aħna lkoll, fi kwalunkwe rwol, għandna d-dmir li nkunu xempji ta’ paċi” u “ħadd m’hu intitolat li jħares in-naħa l-oħra”.
Il-Papa Franġsiku mbagħad rringrazzja lil Francesco Antonio Grana talli ġabar l-appelli tiegħu. Huwa temm il-prefazju billi tenna t-talb tiegħu għall-paċi fl-Ukrajna, u billi għal darb’oħra jħeġġeġ lil kulħadd “ma jidrax” għal din it-tielet gwerra dinjija f’biċċiet, li, jgħid, “qed issir it-tielet gwerra dinjija sħiħa taħt għajnejna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-12/pope-francis-with-war-we-all-lose.html