Il-Papa jsellem lill-pulizija Taljana li tipprovdi s-sigurtà madwar il-Vatikan

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku ħa l-opportunità tal-udjenza tradizzjonali mal-membri tal-Ispettorat tas-Sigurtà Pubblika tal-Vatikan biex jirringrazzjahom tas-servizz li jipprovdu “b’ċaħda personali u bi spirtu ta’ sagrifiċċju.”

Twaqqfu bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Lateran bejn l-Italja u s-Santa Sede, l-Ispettorat huwa korp tal-pulizija Taljana inkarigat li jżommu l-ordni pubbliku fi Pjazza San Pietru u ż-żoni li jmissu mal-Vatikan. Il-Papa rrikonoxxa l-ħidma tagħhom biex jipprovdu sigurtà waqt il-laqgħat tal-fidili u l-pellegrini fil-Vatikan, kif ukoll fl-assistenza tagħhom waqt żjarat papali fil-belt ta’ Ruma u fi żjarat pastorali fl-Italja.

“Għal dan kollu, nerġa’ ntenni bil-qalb l-istima u l-apprezzament tiegħi għall-għajnuna tagħkom u għas-servizz dedikat u professjonali tagħkom.”

Il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lill-membri tal-Ispettorat “biex jipperseveraw fl-ideali u fl-intenzjonijiet” li jispiraw il-ħajja u l-ħidma tagħhom, u qal li jittama li l-ħidma tagħhom, bid-diffikultajiet kollha tagħha, tkun “dejjem animata mix-xewqa li tgħinu lill-proxxmu u l-komunità tagħkom.”

Fl-istess ħin, stedinhom biex ikunu ispirati mill-Evanġelju, sabiex “b’kuraġġ jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla” kullimkien, inkluż fuq il-post tax-xogħol. Hu qal lill-uffiċjali tal-pulizija lis-servizz tagħhom “jista’ jkun sinjal tal-qrubija ta’Alla lejn l-aħwa li tiltaqaw magħhom kuljum, u li jistennew ġest ta’ qalb tajba u merħba mingħandkom.” Dan is-servizz, kompla l-Papa, huwa mod konkret kif inkunu “artiġjana tal-paċi”, f’dinja li għandha bżonn urġenti ta’ nies li jibnu l-paċi bil-fatti, mhux bil-kliem.

Il-Papa Franġisku temm il-kummenti tiegħu billi assigura lil dawk preżenti bit-talb, u billi afdhom f’idejn il-protezzjoni ta’ Marija Bambina u ta’ San Mikiel, il-patrun tal-pulizija.     

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-greets-italian-police-who-provide-security-around-vatican.html

%d bloggers like this: