Il-Kardinal Grech iħeġġeġ is-sinodalità tat-talb

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kardinal Mario Grech għamel eżortazzjoni biex niskopru mill-ġdid it-talb f’kull konvokazzjoni sinodali. Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu għamel din l-osservazzjoni, l-Erbgħa filgħaxija, fl-intervent tiegħu waqt webinar li nieda kors ġdid ta’ formazzjoni dwar is-sinodalità.

Fir-rimarki tiegħu, l-Kardinal innota li l-pubblikazzjoni tat-test reċentement mis-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu sseħħ “f’mument providenzjali” għat-triq sinodali 2021-2024. Dan qed jiġi qabel is-seba’ Assemblej kontinentali li se jsiru fix-xhur li ġejjin, wara li jkun spiċċa l-istadju ta’ konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fil-Knejjes lokali madwar id-dinja, konsultazzjoni li wasslet għat-tfassil tad-Dokument ta’ Ħidma għall-Stadju Kontinentali.

Hekk kif il-kontinenti qed iħejju għal dan l-appuntament importanti, “assolutament bla preċedent fl-istorja tas-Sinodu”, l-Kardinal Grech esprima t-tama tiegħu, li l-ġabra preżenti tad-diskorsi tal-Papa tista’ tkun utli fit-tħejjija u fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn l-assemblej.

Il-Kardinal Grech faħħar il-ħila tal-Papa Franġisku li juri lill-Knisja kollha, “bil-lingwaġġ immedjat ta’ ragħaj u l-profondità ta’ bniedem ta’ fidi”, x’inhi, u mhux is-sinodalità. Huwa żied, li l-Papa Franġisku, offra indikazzjonijiet konkreti biex tkun tista’ tikber bħala Knisja sinodali f’dan it-tielet millenju.

Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu kiteb il-prefazju tal-ktieb il-ġdid “Mixjin Flimkien: Kliem u Riflessjonijiet tal-Papa Franġisku dwar is-sinodalità”, editjat mis-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu u ppubblikat mid-dar tal-pubblikazzjoni tal-Vatikan, Libreria Editrice Vaticana. Dan il-ktieb jippreżenta l-interventi kollha tal-Papa Franġisku waqt il-pontifikat tiegħu fuq it-tema tas-Sinodalità.

Waqt li rrifletta fuq il-kontribut tiegħu, l-Kardinal Grech qal li l-introduzzjoni li huwa għamel xtaq li “toffri gwida ta’ qari sempliċi għal dawn l-interventi”, u li ssuġġerixxa tliet temi li wieħed għandu jiffoka fuqhom. Huwa jittama, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-qarrejja, li “jixtiequ jintunaw aħjar mat-triq sinodali li għaddejja, u li din tkun megħjuna minn kliem il-Qdusija Tiegħu”.

It-tliet temi li wieħed għandu jiffoka fuqhom, huma t-tema tad-dixxerniment; il-ministeru tar-rgħajja; u l-gradwalità tal-vjaġġ. Aspett li jinseġġ dan kollu, u, fil-fehma tal-Kardinal Malti, jikkaratterizza ‘l-maġisteru sinodali’ tal-Papa Franġisku b’mod deċiżiv, qal, hija d-dimensjoni spiritwali tas-sinodalità.

Tabilħaqq, ir-referenza insistenti għall-Ispirtu fid-diskorsi tal-Papa Franġisku rrappurtati fil-volum hija mpressjonanti, qal il-Kardinal Grech, li fakkar fil-kliem tal-Papa dwar l-Ispirtu s-Santu, speċjalment dawk li jenfasizzaw li s-Sinodu huwa “mument ekkleżjali”, li l-protagonista tiegħu huwa l-Ispirtu s-Santu.

Is-Sinodu, qal il-Papa, “joffrilna l-opportunità li nsiru Knisja li tisma’: li nieħdu pawża mir-ritmi tagħna, li nwaqqfu l-ansjetajiet pastorali tagħna, li nieqfu u nisimgħu. Nisimgħu l-Ispirtu fl-adorazzjoni u fit-talb.” Il-Qdusija Tiegħu kien stqarr ukoll, li l-Ispirtu s-Santu, “huwa Dak li jiggwidana fejn irid Alla u mhux fejn iwassluna l-ideat u l-gosti personali tagħna.”

Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, qal li xtaq jieħu tliet punti mill-Maġisteru tal-Papa Franġisku biex jipprovdi fehim aktar profond “li ssawwar id-dimensjoni spiritwali tas-sinodalità”. L-ewwelnett, fi kliem il-Papa Franġisku, s-Sinodu qiegħed “jisma’” lill-Ispirtu s-Santu, qal il-Kardinal.

“Fis-Sinodu”, spjega, “aħna ma nisimgħux sempliċiment lil xulxin, bħal f’kull laqgħa oħra. Naturalment, li nisimgħu lil xulxin huwa fundamentali, iżda nassumu att ta’ fidi fil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-parteċipanti kollha, kif kull wieħed minnhom irċieva fil-magħmudija u l-konferma bid-dilka tal-Ispirtu”.

It-tieni, qal il-Kardinal Grech, is-Sinodu huwa “ubbidjenza” lejn l-Ispirtu. “Fis-Sinodu m’hemmx – jew għallinqas m’għandux ikun hemm – rebbieħa jew telliefa,” qal, “għax ma tirbaħx ir-rieda tal-maġġoranza, imma r-rieda ta’ Alla, li l-Ispirtu s-Santu jippermetti li tkun rikonoxxuta permezz ta’ att komuni ta’ dixxerniment”.

It-tielet u fl-aħħarnett, qal il-Kardinal, is-Sinodu huwa “nvokazzjoni” tal-Ispirtu.

“Dan huwa aspett li filfatt jippreċedi lit-tnejn l-oħra, għaliex hija l-kundizzjoni indispensabbli tiegħu.”

Il-Kardinal għaraf li filwaqt li tista’ tkun ta’ sfida, imma hija utli li nerġgħu niskopru l-“’klima’ tat-talb u tal-liturġija għal kull konvokazzjoni sinodali”. L-Kardinal Mario Grech temm billi talab biex l-Ispirtu s-Santu jassisti lil dawk li qed jieħdu sehem fil-kors, jgħallimhom, u jinżel f’qalbhom.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/cardinal-grech-encourages-prayerful-synodality.html

%d bloggers like this: