Mons. Dr Joe Vella Gauci
Il-kwistjoni hawn fir-realtà hi pjuttost sempliċi. Imma tant ħolqot polemika u polarizzazzjoni nazzjonali li saret kumplessa żżejjed. Saret taħlita ta’ kwistjonijiet reliġjużi, morali, kliniċi, legali, trejdunjonistiċi u oħrajn fuq ix-xejn. Fil-fehma tiegħi, hemm erba’ passi li rridu nqisu biex nistgħu nħollu din it-taħbila:
- x’wassal għad-diskussjoni;
- il-kwistjoni tal-vijabbiltà tal-fetu;
- id-deċiżjoni minn kumitat;
- materja ta’ kuxjenza.
1. Qabelxejn, il-kwistjoni qamet wara li nfaqgħu b’mod prematur xi membrani (PROM) f’mara li nzertat fuq btala Malta. Għalkemm il-materja bħalissa hi suġġett ta’ kawża fil-qorti, il-proċedimenti twal tal-qorti huma superfluwi biex wieħed jifhem ix-xenarju kliniku tipikament skjett li żviluppa. Wara 15-il ġimgħa, l-omm tqila talbet li titwaqqaf it-tqala, imma l-ispeċjalisti lokali rrifjutaw li jagħmlu abort fuq fetu b’qalb tħabbat. L-ispeċjalisti mxew bl-aħjar kura medika flimkien mal-istrateġija medika, li ilha titħaddem, ta’ stennija viġilanti. Fl-ebda ħin kemm damet l-isptar, din il-mara ma kienet f’periklu li titlef ħajjitha, kif deher ċar mill-kontrolli kliniċi u tal-livelli tad-demm tagħha. Kif qiegħda l-liġi bħalissa, l-ispeċjalisti lokali kienu ġustifikati għalkollox meta rrifjutaw it-terminazzjoni għax, bit-trattament ipprovdut, il-letteratura medika tagħti ċans ta’ 20-80% ta’ sopravivenza lill-fetu b’qalb tħabbat. Din il-mara sifruha f’pajjiż fejn l-abort hu legali, fejn għal raġunijiet prattiċi, il-fetu b’qalb tħabbat ġie tterminat. Din is-sekwenza ta’ ġrajjiet għandha biss konklużjoni loġika waħda – dan l-“ewwel” każ qatt ma kellu jintuża bħala bażi jew kawża għal bidla fil-liġi.
2. It-tieni, hemm kwistjoni ta’ vijabbiltà. Din tirreferi għall-fatt li ladarba b’mezzi vaġinali jew operattivi jkun ġie mwieled wara li jkunu għalqu l-24 ġimgħa tat-tqala, fetu jitqies li jista’ jibqa’ jgħix, b’sapport mediku jew mingħajru. Qed jingħad ħafna fuq il-fatt li l-emenda l-ġdida se tistipula li fetu vijabbli għandu jiġi mwieled anki f’każ ta’ stress fuq l-omm. Imma l-kwistjoni lanqas għandha biss tidħol f’diskussjoni serja dwar il-materja. Li fetu vijabbli jiġi ppreservat hi prattika medika universali. Allura, meta l-mara li tkun sa tiled jiżviluppaw fiha kundizzjonijiet li jheddu lil ħajjitha wara l-24 ġimgħa tat-tqala, l-ispeċjalisti tagħna jaraw li jsir il-ħlas tal-fetu vijabbli biex hekk jistgħu jgħixu kemm l-omm u kemm il-fetu. Hu sempliċiment assurd li tgħid li qed nilleġiżlaw favur strateġija bħal din, għax imqar l-aktar liġi liberali tal-abort (bħal fir-Renju Unit, biex inkunu semmejna waħda) tistipula dan bħala sine qua non. Fir-Renju Unit, l-abort ta’ fetu vijabbli barra miż-żmien stipulat (40 ġimgħa) hu permess biss f’każi ta’ deformità bħad-Down’s Syndrome. Fil-fatt, ftit biss tax-xhur ilu, qorti Ingliża tal-appell irrifjutat it-tentattivi ta’ persuna Down’s Syndrome milli tneħħi din il-prattika.
3. Il-kwistjoni hi, fil-verità, dwar il-fetu li għadu ma qabiżx l-24 ġimgħa. Liġi bbilanċjata favur l-omm, favur dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u favur il-fetu mhux-vijabbli (tqala taħt l-24 ġimgħa) tidher faċli li titfassal. Fil-fehma tiegħi, il-punt komuni f’din il-formula għandha tkun il-ħajja, u f’dawn iż-żewġ paragrafi se nikkunsidra x’inhi tqala mhux-vijabbli. Il-professjonista fil-qasam tas-saħħa li qed isegwi t-tqala, jinsab fil-pożizzjoni klinika unika li hu responsabbli għal żewġ pazjenti fl-istess ħin. Il-ħaddiem jaf li l-kumplikazzjonijiet li jwasslu għall-mewt tal-mara tqila neċessarjament se jwasslu għall-mewt tal-fetu, għax il-ħlas ante-mortem kif ukoll post-mortem jirriżultaw f’fetu mhux-vijabbli, i.e. fetu li ma jistax jgħix, la b’assistenza medika u lanqas mingħajrha. Għalhekk, il-ħaddiem fil-qasam tas-saħħa jista’ biss jaspira għall-aħjar eżitu f’kull xenarju kliniku li jinqala’ fejn isib ruħu taħt din it-tip ta’ tensjoni, billi jippreserva l-ħajja tal-mara. Meta mara fit-tqala għandha kundizzjoni li hu ppruvat li hi ta’ periklu għal ħajjitha u li titlob terminazzjoni, l-aħjar eżitu jista’ jintlaħaq biss bit-terminazzjoni. Ejjew nieħdu l-każ ta’ mara bi 18-il ġimgħa tqala li ġiet djanjostikata b’lewkemja aggressiva akuta (kanċer fid-demm). Jekk wieħed jittardja b’iktar minn ġimgħa ma jibda kimoterapija daqstant ieħor aggressiva, dan jista’ jkun ta’ theddida għall-ħajja tal-mara. Dan it-trattament kważi żgur se jwassal għall-mewt intra-uterinali tal-fetu mhux-vijabbli jew tal-inqas għal deformità serja ħafna. L-aħjar eżitu f’dan ix-xenarju jkun it-terminazzjoni biex l-omm tista’ tirċievi trattament fil-waqt. Bl-istess mod, l-aħjar eżitu f’każ ta’ emorraġija interna minn tqala tubali ektopika b’periklu għall-ħajja tal-omm ikun it-terminazzjoni bi tneħħija kirurġika tat-tqala mhux-vijabbli. B’kuntrast, l-aħjar eżitu għal mara bi tqala ta’ 18-il ġimgħa b’appendiċite li nfaqgħet jew koleċistite jew infezzjoni tal-musrana l-kbira li huma theddida għal ħajjitha, tkun operazzjoni fejn jitneħħa l-organu u mhux terminazzjoni tat-tqala.
Fil-fehma tiegħi, terminazzjoni medika f’każ ta’ tqala mhux-vijabbli għandha titħalla biss fl-Isptar Mater Dei, f’sitwazzjonijiet fejn, biex jippreserva l-ħajja ta’ mara fit-tqala, it-trattament ta’ kundizzjoni jew kumplikazzjoni li qed thedded il-ħajja jitlob din it-terminazzjoni. Nissuġġerixxi li fil-kunsiderazzjoni ta’ din il-liġi, id-deċiżjoni finali dwar terminazzjoni tittieħed minn kumitat ta’ tliet esperti – il-ġinekologu, persuna nnominata mill-Kunsill Mediku u li tkun esperta f’aspetti mediko-legali, u l-maġistrat tal-Qorti tal-Familja. It-tlieta li huma għandhom ikun unanimi fid-deċiżjoni tagħhom biex tista’ ssir terminazzjoni legali.
4. Fl-aħħar nett, irrid nirrimarka li huwa patronizzanti u diżonest li pożizzjoni favur il-ħajja titqies li hi ‘lura’, mhix moda jew mhix moderna. Biex tgħaxxaq, din il-materja qatt ma ġiet diskussa qabel l-elezzjoni, ma tidher f’ebda manifest elettorali, u qatt ma ġiet sottomessa għal proċess pubbliku ta’ konsultazzjoni. B’nuqqas ta’ attenzjoni, saret kwistjoni personali ħafna kemm għal-leġiżlatur u kemm għall-individwu. Hu fallaċi li tgħid li wieħed jew l-ieħor jistgħu jaslu għal konklużjoni ċara u dixxiplinata mingħajr ma jirrikorru għall-kuxjenza tagħhom. Sew jekk persuna hi ‘pro-life’ jew ‘pro-choice’, aħna lkoll dejjem favur il-ħarsien tal-ħajja ta’ mara li hi mpoġġija f’riskju minn mard jew kumplikazzjoni li jistgħu jheddu l-ħajja tagħha. Dawn iż-żewġ oqsma ma jaqblux fuq il-kwistjoni tas-saħħa u l-benessri. Hemm kunsens wiesa’ fost l-esperti fl-oqsma moderni tal-ġinekoloġija, il-mediċina kirurġika u l-psikjatrija li ħafna kundizzjonijiet li jaffettwaw is-saħħa u l-benessri tal-mara tqila jistgħu jiġu ttrattati b’mod li jevita r-rikors għall-abort. Ma hemm ebda dubju li termini hekk miftuħa inevitabbilment se jkunu jifirxu t-tapit għal abort indiskriminat, għax terminoloġija bħal din hi fil-fatt l-istess waħda li jużaw liġijiet tal-abort barra minn Malta. Ma jista’ jkun hemm ebda raġuni tajba biex ngħidu li terminoloġija bħal din mhix se twassal għal abort indiskriminat f’pajjiżna.
Aktarx ħafna qarrejja sa issa għaddew jiġru minn fuq dan li għidt u qabżu mill-ewwel sat-tarf ta’ isfel nett ta’ din il-kitba huma u jiżvalutawni bħala qassis mingħajr ebda kredenzjali mediċi jekk mhux ukoll bħala raġel bla ebda kunsiderazzjoni, empatija jew dritt li nitkellem fuq xi ħaġa li tappartjeni lil mara. Madankollu, f’tema li tintrigani ħafna, il-kuxjenza tiegħi ma tħallinix nibqa’ b’idejja marbuta. Din il-kitba ħierġa minn diskussjonijiet twal li kelli ma’ bosta tobba u nies tal-prattika fil-qasam – inklużi xi wħud li ċertament ma jqisux ruħhom bħala konservattivi fuq l-ispettru konservattiv-liberali. Għandi dritt għall-veduta tiegħi fuq is-suġġett, u hi xewqa sinċiera tiegħi li ma narax lil Malta tingħaqad mal-komunità internazzjonali aborzjonista, ħaġa li għandi dubji morali u etiċi serji dwarha. Jekk nista’, il-parir tiegħi lill-forum pubbliku hu li nitgħallmu xi ħaġa mill-iżbalji ta’ ħaddieħor u nirrealizzaw li mhuwiex għalkollox ħażin li f’materji ta’ kuxjenza, ma nibqgħux nissieħbu mal-kor u minflok infasslu aħna t-triq tagħna. Dan biss fadlilna biex inħallu marka li tibqa’. Fl-aħħar mill-aħħar, meta jgħaddi kollox, dak li jiswa hu xi nkunu għamilna.