It-tentazzjoni li toqgħod tħares fil-mera.
“Darba filgħodu biex tagħmel xagħrek biżżejjed”, jgħid il-Papa.
F’diskors li l-Papa Franġisku għamel fil-laqgħa mal-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, u li matulha kienet magħżula Margaret Karram bħala President ġdida tal-Moviment, huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikollhom attaġġament ta’ ftuħ u djalogu ma’ kulħadd u wissa kontra l-vizzju tal-“awto-referenzjalità”, espressjoni li żgur tibqa’ fl-istorja bħala waħda mill-kliem karatteristiċi ta’ dan il-pontifikat tiegħu.

“L-attaġġament ta’ ftuħ u djalogu jgħinukom tevitaw kull awtoreferenzjalità, li dejjem hi dnub; hi tentazzjoni biex tħares fil-mera. Le, din hi ħaġa kerha; tħares fil-mera filgħodu biex tagħmel xagħrek, daqshekk biżżejjed. Nevitaw din l-awtoreferenzjalità li qatt ma tiġi minn spirtu tajjeb, u dan nawgurawh lill-Knisja kollha: noqogħdu attenti li ma ningħalqux fina nfusna, għax dan iwassal biex wieħed jiddefendi l-istituzzjoni bi ħsara għall-persuni u jista’ jwassal ukoll biex wieħed jiġġustifika u jgħatti forom ta’ abbuż.”
F’paragrafu 46 tal-Enċiklika tiegħu, Lumen Fidei, Franġisku kiteb li l-persuna awtoreferenzjali hija dik li, magħluqa fiha nnifisha, tbati biex tidħol fi djalogu ma’ Alla u biex tħalli ruħha tkun imħaddna mill-ħniena tiegħu, u b’hekk tasal għax-xewqa li twassal dik il-ħniena lill-oħrajn.
Fil-messaġġ tiegħu waqt l-Angelus tal-Ħadd 30 ta’ Settembru 2018, il-Papa Franġisku għamel referenza għas-silta mill-Evanġelju skont San Mark (9:39-40) fejn id-dixxipli ta’ Ġesù raw raġel li għamel xi mirakli f’isem Ġesù iżda, għax ma kienx parti mill-grupp tagħhom, riedu jwaqqfuh. Franġisku qal li dakinhar, id-dixxipli wrew atteġġjament ta’ għeluq quddiem ġrajja li ma tidħolx fl-iskemi tagħhom, għax minkejja li kienet azzjoni tajba, imma kienet ġejja minn persuna “esterna” għaċ-ċirku tagħhom. Imbagħad kompla jgħid li …
“L-atteġġjament tad-dixxipli ta’ Ġesù huwa wieħed uman ħafna, komuni ħafna, u nistgħu narawh fil-komunitajiet insara ta’ kull żmien, probabbilment fina nfusna wkoll. B’intenzjoni tajba, anzi biż-żelu, nkunu rridu nħarsu l-awtentiċità ta’ xi esperjenza partikolari, billi nħarsu l-fundatur jew il-mexxej minn imitaturi foloz. Imma fl-istess ħin qiesu hemm il-biża’ mill-konkorrenza – u dan hu ikrah: il-biża’ tal-konkorrenza, li xi ħadd jista’ jeħdilna xi segwaċi minn tagħna – u allura ma jirexxilniex napprezzaw it-tajjeb li jagħmel ħaddieħor: ngħidu “mhux sew, għax mhux wieħed minn tagħna”. Din hija għamla oħra ta’ awtoreferenzjalità.”
Fl-ewwel dokument uffiċjali matul il-pontifikat tiegħu, l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (par 8), il-Papa Bergoglio kiteb li huwa biss grazzi għall-laqgħa mal-imħabba ta’ Alla, li tinbidel fi ħbiberija hienja, li aħna nistgħu ninħelsu mill-kuxjenza iżolata tagħna u mill-awtoreferenzjalità. Imbagħad aktar ‘il isfel fl-istess dokument kiteb li meta dan ma jseħħx, wieħed iħossu superjuri għall-oħrajn għax jaħseb li qed josserva ċerti normi jew li hu qed ikun fidil lejn ċertu stil Kattoliku tal-passat (par 94).