Il-ħajja ta’ Ġesù fiċ-ċentru tal-Pjan tas-Salvazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Lawrenz Sciberras, Tħejjija u twettiq, Pubblikazzjoni Preca, Malta 2022, 193 pp.

Riċensjoni ta’ Francesco Pio Attard

Wieħed mill-aktar dokumenti sbieħ u forsi mhux daqstant apprezzati li ħallielna l-Papa Benedittu XVI, teologu kbir tas-seklu tagħna li kellu l-istudju tal-Iskrittura tant għal qalbu, kienet l-Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini (2010), frott tas-Sinodu dwar il-Kelma ta’ Alla li nżamm sentejn qabel. Bħala kuruna tat-tagħlim prezzjuż li offrielna f’din l-Ittra, Benedittu jagħlaq hekk: “Ħa tkun kull ġurnata tagħna magħġuna mil-laqgħa mġedda ma’ Kristu, il-Verb tal-Missier li sar bniedem: hu jinsab fil-bidu u fit-tmiem u ‘kollox fih qiegħed iżomm’ (Kol 1:17). Ejjew nisktu biex nagħtu widen għall-Kelma tal-Mulej u nixtarruha, biex, permezz tal-ħidma effikaċi tal-Ispirtu s-Santu, hija tissokta tgħammar, tgħix u tkellimna tul il-jiem kollha ta’ ħajjitna” (n. 124).

Fi sforz biex idewquna l-ġmiel ta’ din il-Kelma – li fi Kristu tlaħħmet u tibqa’ titlissen mill-ġdid lil kull bniedem – il-biblisti tagħna ta’ sikwit joffrulna kotba li jkomplu jgħinu fl-istudju u r-riflessjoni biblika. Aħna xortina tajba li bil-Malti għandna bosta kotba bħal dawn, fejn kontribut kbir mal-medda tas-snin tah il-biblista Għawdxi Mons. Lawrenz Sciberras. Sa tmiem is-sena l-oħra l-lista ta’ kotba ta’ dan l-awtur kienet tlaħħaq it-30, u issa dan l-aħħar għadu kemm irregalalna ktieb ġdid, frott ta’ bosta studju u riċerka.

Mitbugħ bi preżentazzjoni mill-isbaħ mill-Pubblikazzjoni Preca tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (Museum), il-ktieb Tħejjija u twettiq jiġbor bejn qoxra u oħra ż-żewġt itruf tal-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu: il-ġrajjiet u l-aspetti marbuta mal-bidu tal-ħajja tiegħu, u dawk li jduru madwar il-mewt u l-qawmien tiegħu kif ukoll it-twelid tal-Knisja.

L-għan tal-awtur hu li jurina kif dak li Alla fil-pjan providenzjali tiegħu ħejja permezz tal-miġja ta’ Ibnu f’din id-dinja, huwa wettqu sal-aħħar, kif kien wiegħed, fis-Sagrifiċċju tas-Salib, mnejn nixxiet il-ħajja ġdida tal-grazzja li minnha twieldet il-Knisja f’Għid il-Ħamsin. Fiha, l-Ispirtu jkompli jwettaq il-ħajja ta’ Kristu fid-dixxipli tiegħu ta’ kull żmien u post.

Is-36 kapitlu ta’ dan il-ktieb – qosra biex wieħed jaqrahom b’faċilità u jsib il-ħin jirrifletti fuq kull wieħed – huma maqsuma f’żewġ taqsimiet kbar: 17-il kapitlu fl-Ewwel Parti, li mill-profezija messjanika ta’ Iżaija fit-Testment il-Qadim jmexxuna tul vjaġġ fl-istennija tal-miġja ta’ Kristu bi twelidu f’Betlehem sal-wirja tiegħu lill-ġnus fl-Epifanija; u 19-il kapitlu ieħor fit-Tieni Parti, li jibdew mill-ħasil tar-riġlejn fl-Aħħar Ċena, jeħduna tul il-Passjoni u jwassluna sa Għid il-Ħamsin.

Bl-għajnuna tar-riflessjonijiet bibliċi mirquma tal-awtur, il-qarrej jista’ jifhem kif ebda ġrajja fil-ħajja ta’ Ġesù ma seħħet b’xi koinċidenza, imma kienet parti mill-pjan li Alla ħejja u li huwa wettaq fih. Dan, kif naqraw fil-Vanġelu, Ġesù nnifsu fehem jurih kemm-il darba lid-dixxipli tiegħu tul ħajtu fuq din l-art, u l-Knisja fir-riflessjoni tagħha fehmitu wkoll biex waslet għall-konklużjoni fundamentali li Ġesù Kristu hu tassew il-bidu, il-qalba u t-tmiem tal-Istorja tas-Salvazzjoni u ta’ dik tal-ħolqien kollu.

Pitturi bibliċi tal-artist spiritwali Franċiż tas-seklu 19 James Tissot jakkumpanjaw il-kapitli biex anki b’mod viżiv jgħinu lill-qarrej jirrifletti fil-fond dwar it-temi ttrattati, ħaġa li tista’ ssir mhux biss fiż-żminijiet liturġiċi qawwija, imma s-sena kollha, meta nqisu li l-ħajja tal-Imgħallem Divin hija wkoll iċ-ċentru tas-Sena Liturġika kollha kemm hi.

Nirringrazzjaw lill-biblista Mons. Lawrenz Sciberras li bil-pinna rżina tiegħu ma jehda qatt jissokta jgħinna niffurmaw ruħna fl-għarfien tal-Kelma ta’ Alla, tant essenzjali għall-ħajja tal-fidi. Tħejjija u twettiq hu ktieb f’waqtu ħafna meta l-Knisja f’Għawdex qed tiddedika pjan pastorali biex niskopru mill-ġdid il-Kelma ta’ Alla.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading