Mejju … iddedikat lil Jum l-Omm lil Marija Omm Alla u Ommna

Print Friendly, PDF & Email

FR. PHILIP CUTAJAR OFMCap

Wasalna fix-xahar sabiħ ta’ Mejju. Ix-xahar tar-rebbiegħa, b’temp sabiħ mżejjna bi fjuri li jgħaxxqu. Xahar li fih tonqos il-kesħa u l-bard tax-xitwa li spiċċata filwaqt li s-sħana qalila tas-sajf tkun għada ‘il bogħod. Xahar li neddikawh lill-Madonna fejn għal darb’oħra nkantaw l-innu marjan li Dun Karm Psaila, li l-Poeta Nazzjonali, ħallielna: “Fil-Ħlewwa ta’ Mejju”  kif ukoll huwa xahar li fih niċċelebraw JUM L-OMM.

L-OMM FIĊ-ĊENTRU

F’dawn il-ftit ħsibijiet li ser naqsam magħkom għax-xahar ta’ Mejju nixtieq nagħmel riferenza għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Ilkoll kemm aħna nafu kemm iż-żewġ realtajiet ta’ MARIJA OMMA ALLA U OMMNA flimkien ma’ MARIA REGINA SIVORI – OMM NATURALI TIEGĦU, kienu ħaġa waħda maqgħuda bejniethom. Kif iħobb jirrepti huwa stess, “it-tnejn li huma kellhom sehem speċjali kemm fis-sejħa kif ukoll fit-tweġiba tiegħu għas-saċerdozju”.

Aktar minn hekk, ‘il-quddiem, fil-mixja tal-vokazzjoni tiegħu bħala saċerdot ġeżwita, Bergoglio jżid omm oħra ma’ dawn it-tnejn li diġa semmejna: IL-KNISJA OMM. Huwa stess, waqt żjara pastorali li kellu ġewwa Turin nhar il-25 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li kien qed jitkellem ma’ grupp ta’ saċerdoti Sależjan, jirrakonta meta maż-żewġ ommijiet li kellu f’żogħżitu, issa li kiber u sar saċerdot żdiedet it-tielet waħda: “ommi Maria Regina Sivori, wara il-ħames tqala tagħha baqgħet paralitika. Minħabba din is-sitwazzjoni ta’ saħħitha hija bagħtet lili u lil ħuti subien fil-Kulleġġ tas-Salesjani. Hawnhekk tgħallimt inħobb lill-Madonna. Minn hawn jiena nista’ ngħid bdejt il-mixja vokazzjonali tiegħi lejn is-saċerdozju. Mixja li waslitni li nsir saċerdot u għalhekk nidħol f’relazzjoni t’imħabba billi naċċetta u nħaddan lill-KNISJA bħala ommi”.  

IL-FIGURA TAL-‘OMM’ GĦALL-PAPA FRANĠISKU

Nistgħu ngħidu li huma spissi d-drabi li l-Papa Franġisku fid-diskorsi tiegħu jagħmel riferenza għal ommu Maria Reġina. Matul l-udjenza ġenerali fi Pjazza San Pietru ta’ nhar l-20 ta’ Mejju tas-sena 2015, il-Papa jagħtina rakkont “ta’ meta lill-għalliema tiegħu qalilha kelma xi ftit goffa. Din sejħet lil ommu sabiex titkellem magħha. L-għada l-omm kienet l-iskola biex titkellem mall-għalliema ta’ Jorge. Immedjatament l-omm sejħet lil binha u ordnatlu sabiex jiskuża lilu nnifsu mall-għalliema. Bl-akbar ħlewwa iċ-ċkejken Jorge jobdi. Imma”, ikompli jirrakonta l-Papa Franġislku, “l-affarijiet ma waqfux hemm. Meta rritorna lura d-dar kien hemm affarijiet oħra aktar serji jistennewh … tistgħu tobsru!!!” Il-Papa Franġisku meta jitkellem fuq ommu dejjem jgħid li kienet “mara mimlija ħlewwa imma fl-istess waqt ta’ dixxiplina stretta”.  Nistgħu ngħidu li kull darba li l-Papa Franġisku jitkellem mill-edukazzjoni tat-tfal fil-familja kważi dejjem jagħmel referenz għal ommu Marija Regina u xidarbi ddaħħal ukoll in-nanniet.

IL-KNISJA: OMM LI TILQA’ U TĦADDAN

Imma għall-Papa Franġisku l-omm tiegħu hija wkoll IL-KNISJA, dik li sa minn żogħżitu ried iħobb b’imħabba totali. Bergoglio sa min mindu kien seminarista kien iħares lejn IL-Knisja bħala l-omm tiegħu, l-omm tagħna li tħobbna, tiddefendina, tħarisna, tgħallimna u tmexxina f’dawk it-toroq li jwassluna għand Kristu.

U din l-imħabba ta’ omm bħala karatterisika tal-Knisja hija l-espressjoni tal-imħabba ta’ Alla għalina. Kien għamel ħoss il-kliem tal-Papa Luċjani meta qal: “Alla hu missier b’qalb ta’ omm” … u din l-omm hija l-Knisja. Dan il-ħsieb irrepetih diversi drabi Papa Franġisku. Ta’ min isemmi fost l-oħrajn dak li kien qal waqt l-omelija f’Santa Marta nhar il-11 ta’ Settembru tas-sena 2014: “Alla l-Missier iħobbna b’imħabba gratwita hekk kif omm tħobb lil uliedha. U din l-imħabba nsibuha b’mod speċjali fil-KNISJA. Dak li rridu nagħmlu aħna huwa li nħalluh iħobbna. Din hija l-grazzja ta’ Alla għalina”.

“NEMMEN F’MARIJA, L-OMM TIEGĦI”

Minbarra ż-żewġ ommijiet li għamilna referenza għalihom: dik bioloġika u l-oħra spiritwali, hemm it-tielet waħda. Hemm dik l-imħabba devozzjonali lejn l-Omm tas-Sema. L-ewwel ġest li l-Papa Franġisku għamel l-għada li ġie magħżul bħala l-Vigarju ta’ Kristu u Isqof ta’ Ruma kien li jmur jitlob fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore, l-aktar knisja antika fl-Oċċident, quddiem l-ikona tas-Salus populi romani. Ġest li Papa Franġisku baqa’ jwettqu qabel u wara kull vjaġġ appostliku.  Kif nafu wkoll il-Papa, b’devozzjoni li skopriha matul is-snin tal-istudji tiegħu fil-Ġermanja, iħobb ħafna lill-Madonna taħt it-titlu: “li tħoll l-għoqqiedi”.

Jibqa’ mument imfakkar meta fil-ħajja tal-Papa Franġisku, qabel l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu jiġifieri qabel ma’ ħaddan lill-Knisja bħala ommu, u bl-għajnuna nisranij li rċieva mingħand ommu Marija Regina Sivori, fir-reċita tal-Kredu jżid dawn il-kelmiet: “Nemmen f’Marija, omm tiegħi, li tħobbni u li qatt ma tħallini waħdi”.

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

%d bloggers like this: