Il-Papa Tawadros II, Kap tal-Knisja Kopta Ortodossa, ingħaqad mal-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tiegħu, fejn taw it-tislima speċjali konġunta lill-fidili. L-Papa Tawadros indirizza lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru. Huwa l-ewwel darba li kap ta’ Knisja oħra għamel dan.
“Maħbub ħija, Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku”, qal il-Papa Tawadros, “Kristu qam, hu tassew irxoxt!”. Il-Mexxej Ortodoss Kopt fakkar fl-aħħar żjara tiegħu fi Pjazza San Pietru, għaxar snin ilu bħal llum. “Nħares lejn dan il-post”, qal, “u mmur lura fil-memorja tiegħi għal għaxar snin ilu, f’din l-istess data, u niftakar l-affezzjoni għażiża tagħkom meta lqajtuni, flimkien mad-delegazzjoni tal-Knisja Kopta.”
Il-Papa Twadros fakkar, li f’dik l-okkażjoni, fl-10 ta’ Mejju 2013, kien issuġġerixxa li d-data tiġi ċċelebrata bħala ‘Jum ta’ Ħbiberija Kopta-Kattolika’. Minn dakinhar, qal, hu u l-Papa Franġisku kull sena jitkellmu minn fuq it-telefon. Il-Mexxej Ortodoss Kopt kompla billi rringrazzja lil Papa Franġisku għaż-żjara tiegħu li għamel fl-Eġittu fl-2017, u fakkar li l-pajjiż – fejn hi bbażata l-Knisja tiegħu – għandha għeruq Kristjani antiki, u kien il-post fejn twieled il-monastiċiżmu. “Minkejja d-differenzi fl-għeruq u l-affiljazzjonijiet tagħna”, qal, “aħna magħqudin mill-imħabba ta’ Kristu li jgħammar fina, u l-għadd ta’ Missirijiet Appostoliċi tagħna u l-qaddisin li jdawwruna u jiggwidawna.”
Bi tweġiba, l-Papa Franġisku qal: “Huwa ta’ ferħ kbir, li llum insellem lill-Qdusija Tiegħu Tawadros II, Papa ta’ Lixandra u Patrijarka tas-Sede ta’ San Mark.” “Għażiż ħabib u ħija Tawadros”, kompla, “nirringrazzjak talli aċċettajt l-istedina tiegħi f’dan l-anniversarju doppju, u nitlob biex id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jdawwal iż-żjara tiegħek f’Ruma”. “Nirringrazzjak mill-qalb tal-impenn tiegħek għall-ħbiberija dejjem tikber bejn il-Knisja Kopta Ortodossa u l-Knisja Kattolika,” żied jgħid il-Papa Franġisku. Filwaqt li jwarrab l-skritt preparat, kares lejn il-Papa Tawadros, u ċajta li għalkemm it-tnejn jitkellmu kull sena fuq it-telefon, “aħna nibqgħu aħwa tajbin, u ma ġġilidniex!”
Il-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu billi tkellem mal-Isqfijiet Kopti u l-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru. “Flimkien magħkom”, qal, “nitlob lil Alla li Jista’ Kollox, biex permezz tal-interċessjoni tal-qaddisin u l-martri tal-Knisja Kopta, jgħinna nikbru fil-komunjoni”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/coptic-pope-addresses-pilgrims-in-st-peters-square-tawadros-ii.html