Papa lill-Gwardjani Żvizzeri: Is-servizz tagħkom huwa xhieda tal-fidi tagħkom

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt li għadda, l-Papa Franġisku rċieva f’udjenza lill-Gwardjani Żvizzeri li kienu qed jippreparaw għaċ-ċerimonja tradizzjonali tal-ġurament tar-rekluti l-ġodda li ssir kull sena fis-6 ta’ Mejju. L-ġurnata timmarka l-anniversarju tas-sagrifiċċju erojku ta’ 147 gwardjan Żvizzeru li mietu waqt li kienu qed jipproteġu lill-Papa Klement VII, f’attakk li sar fuq Ruma.  

Filwaqt li estenda l-awguri lill-Kmandant tal-Gwardi Żvizzeri, Kurunell Christoph Graf, lill-Kappillan, Dun Kolumban Reichlin, lill-Uffiċjali kollha u membri oħra tal-Korp, il-Papa Franġisku rrikonoxxa, b’mod partikolari lit-23 rekluta ġodda u l-familjari tagħhom.

Filwaqt li nnota li l-Gwarda Pontifiċja Żvizzera “hija familja kbira”, li fiha “ż-żgħażagħ jiġu mogħnija bl-esperjenza ta’ anzjani li, min-naħa tagħhom, jistgħu jiġu edifikati u jitgħallmu mill-ftuħ taż-żgħażagħ”. Il-Papa stieden lir-rekluti l-ġodda: “titilfux il-kuraġġ u l-passjoni biex tiskopru affarijiet ġodda”.

Huwa kompla jħeġġiġhom biex jagħmlu “użu tajjeb taż-żmien” ta’ servizz fil-Vatikan biex japprofondixxu u jpoġġu fil-prattika l-fidi Kattolika li rċivew mingħand il-familji tagħhom, permezz tal-qari tal-Iskrittura, l-meditazzjoni fuq testi spiritwali, fil-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija tal-Ħadd u li jirċievi s-Sagramenti. “Kull sitwazzjoni, kull laqgħa tista’ tirrappreżenta opportunità biex jitwettaq l-Evanġelju ta’ Kristu, biex nitgħallmu minnu u ngħixu l-imħabba fraterna f’ismu u bl-Ispirtu tiegħu”, tenna l-Papa.

“Il-missjoni tagħkom hawn fil-Vatikan hija triq li l-Mulej fetaħ għalikom biex tgħixu l-Magħmudija u tagħtu xhieda ferrieħa tal-fidi tagħkom fi Kristu. Din il-fidi li ħadtu mill-familja, ikkultivajtuha fil-parroċċa u dan juri l-intensità tar-rabta tal-Kattoliċi Żvizzeri mal-Knisja ta’ Ruma.”

Fl-aħħar, il-Qdusija Tiegħu ġedded il-gratitudni tiegħu lill-Korp kollu għall-“kollaborazzjoni diliġenti u ġeneruża” tiegħu u jafda lil dawk kollha preżenti u lill-poplu Żvizzeru għall-ħarsien matern tal-Verġni Marija u l-Patrun San Nikola ta’ Flüe.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/pope-to-swiss-guards-your-service-is-a-testimony-of-your-faith.html

%d bloggers like this: