Il-Papa Franġisku: “Qed tiżvolġi traġedja fejn għex il-Mulej”

Print Friendly, PDF & Email

“Sfortunatament qed nassistu għal traġedja li qed tiżvolġi fl-istess postijiet fejn għex il-Mulej, fejn għallimna permezz tal-umanità Tiegħu nħobbu, naħfru, u nagħmlu l-ġid lil kulħadd. U minflok, qed narawhom imqatta’ biċċiet, u għaddejjin minn tbatija tremenda li fuq kollox qed tolqot tant innoċenti, tant innoċenti qed imutu”.

Hekk esprima l-Papa Franġisku nhar il-Ħamis, meta ltaqa’ mal-membri tal-Ordni Ekwestriju tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm fil-Vatikan. Il-membri u t-tmexxija tal-Ordni jaqdu lill-Knisja Kattolika u jwettqu atti ta’ karità biex tkun tista’ tinżamm u titwettaq il-preżenza Nisranija fl-Art Imqaddsa. Il-Qdusija Tiegħu afferma mill-ġdid lill-membri tal-Ordni, l-qrubija spiritwali magħhom, filwaqt li rrikonoxxa li qed jgħixu l-Konsultazzjoni tagħhom, li għaddejja bħalissa, kif ukoll qed “jaqsmu n-niket kbir tal-Knisja Omm f’Ġerusalemm” u “jitolbu għad-don tal-paċi”.

Il-Papa estenda s-sentimenti tiegħu ta’ gratitudni u stima lill-membri kollha tal-Ordni mxerrdin madwar id-dinja. Fakkar li nġabru f’Ruma għall-Konsultazzjoni, u biex jiddiskutu t-tema tal-formazzjoni, speċifikament “formazzjoni meħtieġa għall-kandidati aspiranti biex jidħlu fl-Ordni; formazzjoni kontinwa għal dawk li diġà qed jipparteċipaw fil-ħajja u l-missjoni tiegħu; u wkoll il-formazzjoni ta’ dawk li huma msejħa biex jokkupaw pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà”.

Il-formazzjoni, saħaq il-Papa Franġisku, teħtieġ għarfien spiritwali “tal-impenn morali għoli meħud quddiem l-Artal” u aktar għarfien maniġerjali sabiex jiġu organizzati attivitajiet u jamministraw l-immaniġġjar tar-riżorsi “biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-Art Imqaddsa b’mod kontinwu u adegwat”. Il-formazzjoni inizjali, kontinwa, prattika u spiritwali, huwa nnota, huma “l-erba’ linji gwida li nistgħu naraw rappreżentanti fis-sinjal tas-Salib, li jispikka b’mod ċar fuq il-mantelli tagħkom u janima l-ispiritwalità tagħkom”.

Il-Papa ħeġġiġhom biex iħallu lil Kristu Msallab u Rxoxt iħaddan ix-xogħol u l-ħajja tagħhom permezz tal-karità, tat-talb u tas-servizz lill-oħrajn. Sejjħilhom biex ikunu attenti għar-realtajiet li joperaw fihom, u dejjem jiffukaw fuq il-ġid integrali tal-persuna umana. L-Qdusija Tiegħu appellalhom biex ikunu Ordni, “b’saħħithom fl-identità tagħhom stess, jipparteċipaw fil-misteru tal-karità bl-isbaħ mod, miftuħin u disponibbli, lesti jieħdu dawk is-servizzi li l-Mulej jeħtieġ permezz tal-bżonnijiet ta’ ħutna”.

Dan, qal, jista’ jgħinex permezz tal-edukazzjoni tat-tfal fl-iskejjel u s-solidarjetà konkreta mal-aktar fraġli, bħall-anzjani, l-morda, u r-refuġjati.

Fl-aħħarnett, il-Papa talab għal dawk li qed ibatu mill-ġrajjiet traġiċi li qed iseħħu fl-Art Imqaddsa, u għall-paċi. “Jalla l-Verġni Marija,” talab, “imsejħa minnkom bit-titlu tar-Reġina tal-Palestina, tgħinkom dejjem fil-missjoni tagħkom. Minn qalbi nberikom u nbierek lill-membri kollha tal-Ordni u l-familja tagħhom”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-holy-sepulcher-audience-vatican-knights-holy-land.html

%d