Il-Papa: Il-Paċi tinbena bis-smigħ, mhux bl-armi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lis-6 Forum tal-Paċi ta’ Pariġi, fejn qal li l-paċi “ma tinbeniex bl-armi, iżda bis-smigħ paċenzjuż”. Il-Forum jiġbor flimkien rappreżentanti tal-gvern, organizzazzjonijiet internazzjonali, u gruppi tas-soċjetà ċivili għal jumejn ta’ diskussjonijiet.

Fil-messaġġ tiegħu, ffirmat mill-Kardinal Pietro Parolin, u moqri lill-parteċipanti mill-Arċisqof Celestino Migliore, Nunzju Appostoliku għal Franza, l-Papa Franġisku enfasizza l-indispensabbiltà tad-djalogu għall-proċessi ta’ paċi, u enfasizza r-rabta mill-qrib bejn il-paċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Qdusija Tiegħu saħaq fil-messaġġ tiegħu, li “l-paċi hija mibnija mhux bl-armi, iżda bis-smigħ paċenzjuż, bid-djalogu u l-kooperazzjoni, li jibqgħu l-uniku mezz ta’ soluzzjoni għat-tilwim li jistħoqilha l-persuna umana”. Għal din ir-raġuni, qal il-Papa Franġisku, fora bħal dak ta’ Pariġi, “li l-missjoni tiegħu hija li jsaħħaħ id-djalogu bejn il-kontinenti kollha”, għandhom rwol importanti fil-bini ta’ “dinja aktar ġusta, magħquda u paċifika”. Għalhekk esprima t-tama tiegħu li l-forum “jinkoraġġixxi djalogu sinċier, ibbażat fuq is-smigħ tal-għajta ta’ dawk kollha li qed ibatu”.

Tema ewlenija tal-messaġġ tal-Papa kienet id-denunzja tal-gwerer kollha, anke dawk miġġielda b’mod leġittimu, għal awto-difiża. “Filwaqt li nafferma mill-ġdid id-dritt inaljenabbli għad-difiża leġittima kif ukoll ir-responsabbiltà li nipproteġu lil dawk li l-eżistenza tagħhom hija mhedda,” qal il-Papa Franġisku, “għandna nammettu li l-gwerra hija dejjem telfa għall-umanità”.

“L-ebda gwerra ma tiswa d-dmugħ ta’ omm li tara lil binha b’ġismu mqattgħa jew maqtul”, saħaq. “L-ebda gwerra ma tiswa t-telfa ta’ persuna waħda, bniedem sagru maħluq b’mod simili tal-Ħallieq”. “L-ebda gwerra ma tiswa l-avvelenament tad-dar komuni tagħna. L-ebda gwerra ma tiswa d-disprament ta’ dawk li mhuma mġiegħla jitilqu art twelidhom”.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa Franġisku enfasizza wkoll ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-bini tal-paċi u d-drittijiet tal-bniedem. “Paċi dejjiema, tinbeda jum b’jum bir-rikonoxximent, bir-rispett, u l-promozzjoni tad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali”.

Madankollu, l-Kap tal-Knisja Kattolika nnota, għalkemm l-2023 timmarka 75 sena mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, “miljuni ta’ nies f’kull kontinent” għadhom “mċaħħda mid-dritt fundamentali u primarju tal-ħajja u għall-integrità fiżika u mentali”. Drittijiet oħra li ħafna drabu mhumiex garantiti iżda li jkunu meħtieġa għall-bini ta’ paċi dinjija dejjiema, qal il-Papa, jinkludu d-drittijiet għall-ilma tax-xorb u ikel tajjeb għas-saħħa, l-libertà tar-reliġjon, is-saħħa, akkomodazzjoni deċenti, edukazzjoni ta’ kwalità, u xogħol deċenti.

Il-Papa Franġisku temm il-messaġġ tiegħu, billi esprima t-tama tiegħu li diskussjoni fil-Forum tkun “arrekkita u produttiva”. “Jalla jgħinukom tisimgħu u tiltaqgħu ma’ kulħadd fir-rikkezza tad-diversità tagħhom, sabiex titrawwem kultura ta’ paċi, u tagħmel progress reali lejn bini tal-fraternità”.      

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-sixth-paris-peace-forum-message.html

%d