Il-Papa se jagħti l-Warda tad-Deheb lill-ikona Rumana tal-qedem tal-Verġni Marija

Print Friendly, PDF & Email

Fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Papa Franġisku se jqim lill-Madonna, billi jpoġġi Warda tad-Deheb fl-ikona Marjana tas-Salus Populi Romani, fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.

Wara nofsinhar tat-8 ta’ Diċembru, kif inhi t-tradizzjoni, l-Papa se jwettaq Att ta’ Venerazzjoni lill-Verġni Mqaddsa, quddiem l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fi Piazza di Spagna, fiċ-ċentru ta’ Ruma. Eżatt qabel dik iż-żjara, se jieqaf fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maggiore bl-għotja tiegħu għall-Madonna.

Il-Warda tad-Deheb għandha għeruq antiki, li jissimbolizzaw il-barka papali, u t-tradizzjoni ta’ dan ir-rigal jmur lura għall-Medju Evu. Matul is-sekli, ngħatat lil monasteri, santwarji, sovrani, u personalitajiet prominenti bħala rikonoxximent tal-impenn tagħhom għall-fidi u l-ġid komuni.

Kif ġie spjegat fi stqarrija maħruġa mill-Bażilika, l-għotja tal-Warda lis-Salus Populi Romani, “l-Papa Franġisku jenfasizza l-importanza spiritwali u s-sinifikat profond li din l-ikona għandha fil-ħajja tal-Knisja Kattolika, peress li hija wkoll l-eqdem Santwarju Marjan fil-Punent iddedikat lil Omm Alla”.

Din mhux se tkun l-ewwel darba li l-Warda tad-Deheb ingħatat lill-ikona. L-ewwel darba ngħatat fl-1551 mill-Papa Ġulju III, li kien devot ħafna tax-xbieha ta’ Salus Populi Romani. Kien fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, fuq l-artal tal-Presepju, li l-Papa ċċelebra l-ewwel Quddiesa tiegħu. Fl-1613, il-Papa Pawlu V ta wkoll Warda tad-Deheb fl-okkażjoni tar-transulazzjoni tal-ikona meqjuma lejn il-Kappella Borghese, li kienet għadha kif inbniet. Ma hemm l-ebda traċċa taż-żewġ Ward tad-Deheb mogħtija miż-żewġ Papiet, li x’aktarx intilfu waqt l-invażjoni ta’ Napuljun fl-Istat Papali (Trattat ta’ Tolentino,1797).

Għalhekk, wara 400 sena, żiedet tgħid l-istqarrija, “l-Qdusija Tiegħu għażel li jagħti sinjal tanġibbli tad-devozzjoni tiegħu lejn l-ikona meqjuma, li jsaħħaħ ir-rabta millenarja bejn il-Knisja Kattolika u l-belt ta’ Ruma”.     

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-12/pope-immaculate-conception-gift-golden-rose-salus-populi-romani.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading