Il-Papa jikkundanna l-attakki fuq iċ-ċivili f’Gaża: “Hija gwerra, huwa terroriżmu”.

Nhar il-Ħadd, il-Papa Franġisku appella biex tintemm il-gwerra li qed tħarbat l-Art Imqaddsa, u talab b’mod speċjali għall-insara misjuba fil-Parroċċa Kattolika tal-Familja Mqaddsa f’Gaża. Fit-talba tal-Angelus, il-Papa qal li qed ikompli jirċievi aħbarijiet inkwetanti minn Gaża, “ċivili mhux armati huma l-mira ta’ bumbardamenti u tiri sparati ta’ arma tan-nar”.

Il-Papa Franġisku kkundanna l-attakk fuq djar tal-parroċċa Kattolika, “fejn m’hemmx terroristi, imma familji, tfal, nies morda u b’diżabilità, u sorijiet.” “Omm, Nahida Khalil Anton, u binta, Samar Kamal Anton, inqatlu, u oħrajn sfaw feruti mit-tiraturi waqt li kienu sejrin lejn il-kamra tal-banju,” qal il-Papa. “Xi wħud jgħidu, Dan huwa terroriżmu. Din hi gwerra. Iva, hija gwerra. Huwa terroriżmu”, qal. “Hu għalhekk li l-Iskrittura tafferma li ‘Alla jwaqqaf il-gwerer… ikisser il-qaws, jaqsam il-lanza’ (Salm 46,10). Ejjew nitolbu lill-Mulej għall-paċi”.

Il-Papa Franġisku fakkar ukoll li hemm nies f’diversi partijiet tad-dinja li qed ibatu minħabba l-gwerra. “Ejjew ma ninsewx lil ħutna li qed ibatu mill-gwerra fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael, u f’żoni oħra ta’ kunflitt”, qal. “Jalla l-avviċinament tal-Milied isaħħaħ l-impenn biex jinfetħu toroq tal-paċi”.

Nhar is-Sibt, il-forzi Iżraeljani wettqu bumbardament qawwi fiż-żona ta’ madwar l-unika parroċċa Kattolika ta’ Gaża. Il-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm ħareġ stqarrija fejn allega li tank tal-IDF spara rokit li laqat il-Kunvent tal-Missjunarji tal-Karità, qered il-ġeneratur tal-binja u li dan qabad nar kbir li għamel ħsara lid-dar. Żewġ rokits oħra għamlu l-kunvent inabitabbli għall-54 persuna bi bżonnijiet speċjali li s-Sorijiet ta’ Madre Tereża kienu qed jieħdu ħsiebhom. “Il-kunvent huwa dar għal aktar minn 54 persuna bi bżonnijiet speċjali u huwa parti mill-bini ta’ madwar il-Knisja, li kien qed jintuża bħala post ta’ qima mill-bidu tal-gwerra”, qal il-Patrijarkat.

Aktar tard matul il-ġurnata, sniper qatel żewġ nisa Kristjani li kienu qed jieħdu kenn fil-compound tal-Knisja tal-Familja Mqaddsa. Nahida Khalil Anton, anzjana, u bintha, Samar Kamal Anton, kienu rrappurtati ħerġin mill-bini tal-Knisja u kienu mexjin lejn il-Kunvent tas-Sorijiet. “Waħda inqatlet hekk kif ippruvat iġorr lill-oħra għas-sigurtà,” qalet l-istqarrija.

Irrappurtat li l-sniper spara u darab 7 persuni oħra waqt li ppruvaw jipproteġu lil ħaddieħor ġewwa l-compound tal-Knisja. “Ebda twissija ma ngħata; ma ngħatat l-ebda notifika,” qal il-Patrijarkat. “Dawn ġew maqtula kiesaħ u biered ġewwa l-bini tal-Parroċċa, fejn m’hemmx nies imdaħħlin fi gwerra.”       

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-12/pope-francis-holy-family-parish-gaza-appeal-civilians.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading