Din is‑sena Missio Malta ddeċieda li matul il‑Maratona HopeMissioFest jgħin f’diversi proġetti fl‑Uganda. Missio qed isejħilna biex ngħinu lil tant nies li jgħixu f ’irħula mbiegħda b’nuqqas ta’ ħafna affarijiet bażiċi. Ta’ min jgħid li fl‑Uganda ssib tabib wieħed biss għal kull 12,500 persuna, għalhekk il‑bżonnijiet huma kbar.

Matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April tista’ taqra aktar fatti dwar l-Uganda fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ tliet darbiet fis-sena, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob.

Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’wieħed mill-artikli, insiru nafu aktar dwar l-edukazzjoni u l-ħin liberu fost it-tfal Afrikani, l-aktar dawk Ugandiżi. F’artiklu ieħor niltaqgħu ma’ Evas u żewġha Willison li minħabba nuqqasijiet bażiċi tilfu tarbija, li faċilment setgħet tiġi salvata.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt
Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.