Kelma li tagħti l-ħajja

Il-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat lis-seminaristi Samuel Aquilina u Marlon Bajada u f’Ħadd il-Kelma ta’ Alla. Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Dalgħodu nġbarna flimkien – saċerdoti, superjuri tas-Seminarju, kappillani u saċerdoti oħra, ħbieb ta’ dawn iż-żgħażagħ, is-Seminarju kollu, is-seminaristi, il-familjari, ħbieb, u nies ta’ din il-parroċċa. Inġbarna flimkien biex nagħmlu ġest sempliċi, imma li jfisser ħafna. Fil-mixja tagħhom lejn is-saċerdozju, dawn iż-żgħażagħ, Marlon u Samuel, f’mument partikolari jirċievu l-Kelma ta’ Alla bħala don minn Alla permezz tal-Knisja. Għalhekk qegħdin hawn, biex dawn jirċievu l-ktieb tal-Evanġelju, il-ktieb tal-Kelma, l-Aħbar it-Tajba. Imma dan mhux sempliċiment ġest minn barra, rit, ċerimonja, imma għandu tifsira profonda ħafna. Meta jien, f’isem il-Knisja, f’isem dawn is-saċerdoti, ser ngħaddi l-Kelma ta’ Alla li rċeviet il-Knisja sa minn elfejn sena ilu, il-Ktieb tal-Evanġelju, lil dawn iż-żewġ żgħażagħ, jien qed nistedinhom l-ewwel u qabel kollox biex jilqgħu din il-Kelma bħala l-gwida tal-ħajja tagħhom, bħala rigal minn Alla li jgħinhom jgħixu l-umanità tagħhom, il-ħajja tagħhom fil-milja tagħha.

Ma jeżistix fid-dinja mod isbaħ u aħjar mill-Kelma ta’ Alla ta’ kif wieħed għandu jgħix ħajtu… m’hemmx mod isbaħ u aħjar mill-Evanġelju. U din irridu nkunu konvinti lkoll kemm aħna minnu, mhux sempliċiment għax qed ngħidha jien, imma għax kollha kemm aħna għandna l-esperjenza kif meta smajna l-Kelma u ppruvajna ngħixuha, indunajna li dakinhar inħossuna tassew bnedmin, nies ta’ veru, bnedmin maturi. Inħossuna nikbru meta nisimgħu l-Kelma u nippruvaw inpoġġuha fil-prattika u ngħixuha.

Ma nħallux il-Kelma tinħela

U allura, l-ewwel sejħa li dan il-ġest ser jagħmel illum lil Marlon u lil Samuel, u lilna lkoll, b’mod speċjali llum fil-Ħadd iddedikat lill-Kelma ta’ Alla, hi li din il-Kelma ma nħalluhiex tintrema u tinħela. Nhar il-Ħadd li għadda, ma nafx jekk tiftakrux, fi tmiem l-Ewwel Qari kien hemm vers li lili jolqotni tassew. Kien hemm l-istorja ta’ Samwel, li kien fit-Tempju sa minn meta kien għadu tifel żgħir, u sema’ lil min isejjaħlu: “Samwel, Samwel” (1 Sam 3:10). U dan kull darba kien imur ħdejn dan is-saċerdot li kien jismu Għeli. Issa diġà l-kelma Għeli tfisser ‘Alla tiegħi’. U dan Għeli qallu: “Ma sejjaħtlekx, ibni, erġa’ mur orqod” (v. 6). Imma mat-tielet darba Għeli nduna u qal: “Dan il-Mulej kien qiegħed isejjaħ” (v. 8). U Samwel, fuq il-parir ta’ Għeli, meta sema’ s-sejħa: “Samwel! Samwel!”, wieġeb: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (v. 10). U dan il-Qari sabiħ jispiċċa b’sentenza li tassew tolqotni… isimgħuha kemm hi sabiħa: “Minn dakinhar ’il quddiem Samwel ma ħalla l-ebda kelma ta’ Alla milli tmur fix-xejn” (v. 19). Għax sa dakinhar, sa Samwel, b’Għeli b’kollox u bit-tfal tiegħu Ħofni u Finiħas, il-poplu Lhudi ma kienx għadu jagħti kas ta’ din il-Kelma ta’ Alla.

U jien nibża’ li kultant aħna għaddejjin minn sitwazzjoni simili għal ta’ dakinhar. Il-Kelma ta’ Alla nħalluha taqa’, tinħela. Allura, waħda mill-ewwel sejħat illi tagħmel iċ-ċelebrazzjoni tal-lum hi proprju din: li l-Kelma ta’ Alla ma nħalluhiex taqa’ fix-xejn. Hekk jagħmlu dawn l-erba’ dixxipli tal-Evanġelju tal-lum (Mk 1:14-20). Ġesù jsejħilhom, u dawn mill-ewwel ħallew l-ewwel ix-xbiek, imbagħad lil missierhom, u lill-qaddejja ta’ missierhom, ħallewhom fid-dgħajsa, u marru warajh. Mela din hija l-ewwel sejħa li għandkom intom, għeżież Marlon u Samuel, u li għandna aħna kollna kemm aħna, li hi sejħa simili għal ta’ kulħadd. Kollha kemm aħna msejħin biex nisimgħu l-Kelma u ngħixuha.

“Indmu u emmnnu”

L-Evanġelju tal-lum isejħilna biex nikkonvertu u nemmnu. Dawn huma żewġ sejħat li jagħmel Ġesù: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (v. 15). Il-kelma ‘ikkonverti’ irridu noqogħdu naqra attenti kif nifhmuha, għax tikkonverti ma jfissirx li l-ewwel kont tidgħi u mbagħad ma bqajtx tidgħi, li l-ewwel ma kontx tieħu paċenzja u mbagħad tibda tieħu. Tikkonverti jfisser wisq iktar minn hekk: tbiddel l-idea li inti għandek ta’ Alla, tiegħek innifsek, tal-oħrajn. Kemm għandna ideat żbaljati fuqna nfusna, fuq l-oħrajn, fuq Alla! Ngħidu aħna, kemm l-oħrajn ta’ madwarna narawhom bħala kompetituri tagħna, kemm inqisuhom bħala aħjar minna jew agħar minna. Huma kollha ideat żbaljati tal-oħrajn. L-ieħor hu bħali preċiż, m’għandi xejn iktar minnu, m’għandu xejn inqas minni; m’għandi xejn inqas minnu, u m’għandu xejn iktar minni. Kemm irridu niġġieldu magħna nfusna biex naslu għal din l-idea, biex il-ġar, biex lil dik li forsi nħossha superjuri għalija, biex l-ieħor li jħossu inferjuri għalija, nibda nqisu bħali! Kemm irridu nibdlu l-mentalità! Din tfisser ‘indmu’: tibdel il-mentalità.

X’idea għandna ta’ Alla? Alla li forsi attent għall-iżbalji tiegħi biex jikkastigani; jew Alla li jgħaddi kollox għalih? Kemm hu diffiċli, kemm hu kumbattiment li rridu nkomplu tul ħajjitna kollha, biex ikollna tassew idea awtentika u vera ta’ Alla. Kif inħarsu lejna nfusna? Inħares lejja nnifsi kif iħares Alla, jew inkella għandi l-ideat tiegħi? Iċ-ċentru tal-ħsieb tiegħi huwa jien jew Alla? Din mhux faċli biex inbiddluha. Din hi l-indiema li jitlob Ġesù fl-Evanġelju tal-lum: “Emmnu fl-Evanġelju” (v. 15). Biddel iċ-ċentru ta’ ħajtek, tibqax inti ċ-ċentru ta’ ħajtek, tibqax inti l-ħsieb prinċipali li kollox idur miegħu, l-għażliet tiegħek; imma poġġi l-Evanġelju. Din hi sfida ikbar milli kont tidgħi u ma bqajtx tidgħi, wisq ikbar milli kont tirrabja u ma tibqax tirrabja. Hija wisq iktar profonda.

Ħielsa

Għalhekk għandna bżonn nisimgħu l-Kelma ta’ Alla kontinwament fil-ħajja tagħna. Dawn l-erba’ dixxipli, meta jisimgħu l-Kelma u jitilqu, ħallew kollox malajr, u telqu wara Ġesù. Tnejn minnhom “telqu x-xbiek” (v. 18). Ix-xibka hi s-sinjal tar-rabtiet li għandna. Kollha kemm aħna mxebilkin ġo ħafna xbieki fil-ħajja tagħna: min hu marbut ma’ hekk, min hu marbut ma’ dik il-ħaġa. Il-ħaġa li int marbut magħha, il-persuna li int marbuta magħha, l-oġġett li int marbut miegħu, jispiċċa jsir alla tiegħek, mhux li jeħilsek, imma li jagħmlek ilsir. Nagħmlu mod jien marbut, ngħidu aħna, mal-kont li għandi fil-bank: jagħmilni lsir dak il-kont. Nibda ngħix għalih, għal dak il-kont li għandi fil-bank. Għamiltu alla tiegħi, u għamilni lsir. Dik hija x-xibka li jħallu ż-żewġ dixxipli: Pietru u Indrija.

Qaddejja

Imbagħad Ġwanni u Ġakbu jħallu lil missierhom u l-qaddejja ta’ missierhom. U aħna wkoll imsejħin biex kultant inħallu u naqtgħu mit-tradizzjonijiet – hekk tfisser li tħalli lil missierek – mit-tagħlim l-antik, biex moħħok jibqa’ dejjem miftuħ ħalli titgħallem il-ġdid. Hekk din il-bidla, din l-indiema li jitlob Ġesù permezz tal-Evanġelju tal-lum, isseħħ fina. Inkella tkun diffiċli. Kemm hi xi ħaġa sabiħa meta aħna bħal dawn iż-żewġ dixxipli, Ġakbu u Ġwanni, ikollna qalbna miftuħa għal dak li nisimgħu fil-Kelma! Kemm timliena bil-ferħ il-Kelma, kemm tagħtina qawwa u enerġija ġdida kull darba li nisimgħuha! U verament li din il-Kelma teħlisna anki mill-qaddejja. L-Evanġleju tal-lum jgħidilna: Ġwanni u Ġakbu “telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-qaddejja” (v. 20). Għax huma stess issa jsiru qaddejja. Il-Kelma ta’ Alla tagħmilna qaddejja ta’ xulxin.

Xhieda

Imbagħad il-ħaġa l-oħra li titlob minna l-okkażjoni tal-lum – u din titlobha iktar lilkom; titlobna lilna kollna kemm aħna, imma b’mod speċjali lilkom Marlon u Samuel – hija x-xhieda. Id-don tal-Kelma li aħna nilqgħu, u li nippruvaw ngħixu, intom imsejħin biex tixhdu għalih, mhux biss bil-ħajja tagħkom, bħalma kollha kemm aħna msejħin biex nixhdu b’ħajjitna għal din il-Kelma, imma anki bl-istess Kelma, bl-istess predikazzjoni, anki bl-istess mod ta’ kif tikkomunikaw fil-pastorali tagħkom mal-gruppi li jkollkom, mat-tfal, maż-żgħażagħ, mal-adulti, mal-koppji, ma’ kulħadd. Intom imsejħin biex din il-Kelma li lqajtu, li ferħanin biha, li ssir parti minn ħajjitkom, imbagħad tgħadduha. Imma tgħadduha mhux bħala xogħol, mhux bħala impenn jew impjieg… niffissa li rid nipprepara l-omelija, jew issa għandi laqgħa u rrid nipprepara. Mhux hekk, imma bi pjaċir, b’gost. Il-Kelma ta’ Alla li inti tgħix, li tagħtina l-ħajja u l-enerġija u l-entużjażmu tal-ħajja, ma nistgħux inżommuha għalina. Irridu ngħadduha bilfors lil ħaddieħor. Il-gost li tagħtina l-Kelma ta’ Alla – u tagħtina gost tassew meta nisimgħuha u nippruvaw inħalluha trabbi l-għeruq u ssir ħajja f’ħajjitna – ma nistgħux inżommuha għalina, irridu ngħiduha lil ħaddieħor.

Ippruvaw irriflettu ftit: meta jkollna aħbar sabiħa jew nisimgħu xi ħaġa sabiħa, ma jiġrix bħal meta jkollna aħbar ħażina, negattiva. Meta jkollna aħbar negattiva, iktar ma ngħiduha, iktar inbatu. Taqsamha u forsi tistrieħ ftit, imma terġa’ ġġeddidha kull darba. Allura aħbar negattiva ngħidha biss lil ftit nies, għax kull darba li ngħidha dejjem inżid fit-tbatija tiegħi, anki jekk nistrieħ meta naqsamha. Aħbar sabiħa le! Il-ferħ tagħha jikber aktar ma jien inxandarha, aktar ma jien ngħidha, aktar ma jkunu jafu biha. Aħbar sabiħa tikber daqskemm ikunu jafu biha l-oħrajn.

Dan hu l-Evanġelju: Aħbar Tajba! Din hi l-Aħbar it-Tajba li Ġesù jwasslilna, li aħna qegħdin nilqgħu, u li intom imsejħin ixxandru, mhux illum biss, imma tul ħajjitkom kollha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading