Qabel Jum it-Tifkira tal-Olokawst, il-Papa jappella biex jintemmu l-gwerer

“Nhar is-Sibt, 27 ta’ Jannar, huwa l-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst. Jalla din it-tifkira u l-kundanna ta’ dak l-isterminazzjoni orribbli ta’ miljuni ta’ Lhud u nies ta’ twemmin ieħor, li seħħet fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda, tgħin lil kulħadd biex ma ninsewx li l-loġika tal-mibegħda u l-vjolenza qatt ma tista’ tkun iġġustifikata, għax tiċħad l-umanità tagħha stess”.

B’dan il-kliem fi tmiem l-Udjenza Ġenerali ta’ kull ġimgħa, l-Papa Franġisku ħares ‘il quddiem lejn il-Jum, li jfakkar kull sena fl-anniversarju tal-ħelsien tal-priġunieri mill-akbar kamp ta’ konċentrament Nażista – Aushwitz-Birkenau. “Il-gwerra nnifsiha hija ċaħda tal-umanità”, qal il-Papa, waqt li appella għal isforzi ta’ paċi. “Ejjew ma ngħajjewx nitolbu għall-paċi, għat-tmiem tal-kunflitti, għall-waqfien tal-armi, u għall-ħelsien għall-popolazzjonijiet eżawriti”, talab il-Qdusija Tiegħu.

Il-Papa qal, li l-ħsibijiet tiegħu jmorru b’mod speċjali lejn dawk fil-Lvant Nofsani, tal-Palestina u tal-Iżrael, u l-Ukrajna, hekk kif ikkundanna l-aħbar “inkwetanti tal-bumbardamenti li laqtu postijiet iffrekwentati minn nies ċivili”, li, insista, “qed jiżirgħu l-mewt, il-qerda u t-tbatija”. L-uniċi li “jirbħu” b’dan il-mod, huma l-manifatturi tal-armamenti, tenna l-Papa.

Il-Papa Franġisku temm jgħid: “Nitlob għall-vittmi u l-maħbubin tagħhom, u nitlob lil kulħadd, speċjalment lil dawk b’responsabbiltà politika, biex jippreservaw il-ħajja umana billi jtemmu l-gwerer. Ejjew ma ninsewx: il-gwerra hija dejjem telfa, dejjem”.   

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/ahead-of-holocaust-remembrance-day-pope-appeals-for-end-to-wars.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading