Fi djalogu mal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 8 ta’ April 2024: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Tħawdet ħafna” (Lq 1:29). Dan huwa l-ewwel kliem li nisimgħu f’dan ir-rakkont fuq ir-reazzjoni ta’ Marija għall-kliem tal-anġlu Gabriel. Nixtieqkom tinnutaw kif Marija tħawdet mhux għax kien qalilha diġà x’kien il-pjan – li hi tkun Omm Ġesù – imma tħawdet mat-tislima tal-anġlu, meta qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28).

Dan ir-rakkont hekk sabiħ jurina lil Marija li l-ewwel tħawdet, u “bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha” (Lq 1:29), imbagħad tistaqsi. L-unika darba li titkellem hawnhekk  qabel il-konklużjoni ta’ dan ir-rakkont hu li tistaqsi, u tistaqsi biex tkun taf hi fejn tidħol f’dil-biċċa xogħol – “Kif ikun dan…” (Lq 1:34) mhux “Kif inkun ċerta minn dan?”. Imbagħad fl-aħħar tilqa’ l-istedina li għamlilha Alla permezz tal-anġlu Gabriel. Għandna lil Marija li l-ewwel titħawwad, titħasseb, tistaqsi, imbagħad tilqa’ dak li jgħidilha l-Mulej u tgħid: “Ara jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38)

Nixtieq li nħarsu lejn din il-festa kbira llum, u naraw x’tgħallimna għall-ħajja tagħna. Ħa nsemmi tliet affarijiet, mill-ħafna li wieħed jista’ jaħseb u jirrifletti fuqhom f’din is-silta sabiħa tal-lum.

L-ewwel nett, Marija tgħallimna nkunu ta’ qalb ħelwa u umli. Ġesu kien qal, darba: “tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Hu żgur li tgħallem minn ommu stess kif ikun ta’ qalb ħelwa u umli, għaliex hija minħabba l-umiltà tagħha li tħawdet meta l-anġlu qalilha “mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28), imma hi minħabba l-umiltà tagħha li hi setgħet tilqa’ din is-sejħa li għamlilha l-Mulej permezz tal-anġlu Gabriel. Tgħallimna, għalhekk, kemm hu sabiħ li jkollna dan l-ispirtu: qalb ħelwa u umli.

Marija tgħallimna wkoll ngħixu ħajjitna fi djalogu ma’ Alla, flimkien miegħu. Hawnhekk hi tidħol f’dan id-djalogu. Għall-bidu tħawdet, titħasseb, tistaqsi, imma fl-aħħar tilqa’ l-istedina li għamlilha Alla u tgħid: “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Kemm hu sabiħ li aħna ngħixu l-ħajja tagħna fi djalogu ma’ Alla! Ġieli l-affarijiet iħawduna, ġieli jħassbuna, ġieli nistaqsu, imma fil-fond ta’ qalbna jkollna din l-attitudni: lesti nilqgħu s-sejħa ta’ Alla u nagħmlu r-rieda tiegħu. U dik tkun li tmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna.

Marija tgħallimna wkoll kif aħna ngħożżu l-ħajja. Il-festa tal-lum hi l-festa ta’ meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Dan għaliex meta Marija aċċettat, Ġesù tnissel fiha. L-anġlu jgħidilha: “int se tnissel fil-ġuf u jkollok Iben” (Lq 1:31). Ma jgħidilhiex: int se jkollok xi ħaġa ġewwa, imbagħad xi darba din tkun ħajja umana, iben. “Se tnissel fil-ġuf u jkollok Iben”, għax mat-tnissil bdiet il-ħajja umana ta’ Ġesù. Għalhekk illum ninżlu għarkupptejna fil-Kredu, biex inqimu din il-ħajja umana li bdiet, Alla li sar bniedem mat-tnissil. Għalhekk tgħallimna kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-ħajja umana dejjem, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – dak li qed niċċelebraw illum – f’kull waqt tagħha, sat-tmiem naturali tagħha.

Nitolbu lill-Marija llum f’din il-festa hekk sabiħa. Nitolbuha biex hi tkompli tkun l-Omm li tgħallimna: l-Omm li tgħallimna nkunu ta’ qalb ħelwa u umli; l-Omm li tgħallimna ngħixu ħajjitna ma’ Alla, bi djalogu kontinwu miegħu fit-talb; u l-Omm li tgħallimna ngħożżu l-ħajja dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading