Il-qalba tal-intervista mogħtija mill-Papa Franġiksu lil Patri Pedro Chia, direttur tal-uffiċċju stampa tal-Provinċja Ċiniża tas-Soċjetà ta’ Ġesù, hija “messaġġ ta’ tama” u barka għall-poplu Ċiniż kollu. Hija intervista b’fokus spiritwali qawwi, kkaratterizzat mill-memorji personali tal-Papa u r-riflessjonijiet tiegħu dwar il-futur tal-Knisja.
F’din l-intervista, l-Papa ma jaħbix ix-xewqa tiegħu li jżur iċ-Ċina, partikolarment is-Santwarju ta’ Sheshan fid-Distrett ta’ Songjiang, iddedikat lill-Verġni Mqaddsa Marija Għajnuna tal-Insara. Fil-pajjiż Asjatiku, jgħid, jixtieq jiltaqa’ mal-isqfijiet lokali u “l-poplu ta’ Alla li hu tant fidili”. “Għaddew minn ħafna affarijiet u baqgħu fidili”.

Liż-żgħażagħ Kattoliċi Ċiniżi, b’mod partikolari, l-Papa jenfasizza l-kunċett tat-tama, minkejja li jirrimarka – “huwa tawtoloġiku li nagħti messaġġ ta’ tama lil poplu li hu kaptan tat-tama” u “ta’ paċenzja fl-istennija”. U din, jenfasizza, “hija ħaġa sabiħa ħafna”. L-poplu Ċiniż huwa “poplu kbir” li “m’għandux jaħli l-wirt tiegħu”, żied il-Papa Franġisku; għall-kuntrarju, “għandhom bil-paċenzja jmexxu ‘l quddiem il-wirt tagħhom”.
Waqt l-intevista, l-Papa jirrifletti wkoll fuq il-pontifikat tiegħu, li jispjega li sar b’kollaborazzjoni, smigħ, u konsultazzjoni mal-kapijiet tad-dikasterji u ma’ kulħadd. “Il-kritika dejjem tgħin, anke jekk mhix kostruttiva”, jiċċara, għax “dejjem hija utli, iġiegħlek tirrifletti dwar kif taġixxi”. U anke “wara r-reżistenza, kultant jista’ jkun hemm kritika tajba”. Xi drabi trid “tistenna u tissaporti”, anke “bl-uġigħ”, bħal meta tiltaqa’ ma’ reżistenza “kontra l-Knisja, kif qed jiġri f’dan il-mument” minn “gruppi żgħar”. Madankollu, tenna l-Qdusija Tiegħu, “l-mumenti ta’ diffikultà jew deżolament dejjem jissolvew bil-konsolazzjoni” tal-Mulej.
Dwar il-ħafna “sfidi” li ffaċċja s’issa fuq is-sedja ta’ Pietru, l-Papa jfakkar b’mod partikolari “l-isfida enormi” tal-pandemija, kif ukoll “l-isfidi attwali” tal-gwerra, b’mod speċjali fl-Ukrajna, l-Myanmar, u l-Lvant Nofsani. “Jien dejjem nipprova nsolvi l-affarijiet permezz tad-djalogu”, jispjega. “U meta dan ma jaħdimx, b’paċenzja u wkoll b’sens ta’ umoriżmu”, nsegwi t-tagħlim ta’ San Tumas More.
Fuq livell personali, l-Papa jfakkar li hu esperjenza xi “kriżijiet” matul il-ħajja reliġjuża tiegħu bħala Ġiżwita. Dawn huma normali, jispjega: “Inkella, ma nkunx bniedem”. Iżda l-kriżijiet jingħelbu b’żewġ modi: huma maħduma u mmexxija “bħal nisġa”, li minnu wieħed joħroġ “minn fuq”; u mbagħad “wieħed qatt ma joħroġ waħdu, iżda pjuttost bl-għajnuna u l-akkumpanjat”, għax “li jħalli lilu nnifsu jiġi mgħejjun huwa mportanti ħafna”. L-Qdusija Tiegħu żied jgħid li jitlob lill-Mulej “il-grazzja li jiġi maħfur, u li jieħu paċenzja bih”.
Il-Papa Franġisku jirrifletti wkoll fuq l-erba’ “preferenzi appostoliċi universali” tal-Ġiżwiti, deskritti fl-2019 bħala prijoritajiet għall-Ordni għall-għaxar snin li ġejjin: promozzjoni ta’ eżerċizzji spiritwali u dixxerniment, mixja mal-foqra u l-immarġinati, akkumpanjament liż-żgħażagħ fil-ħolqien ta’ futur u ta’ tama, u li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna. Dawn huma l-erba’ prinċipji “integrati” li “ma jistgħux jiġu separati”, jistqarr, filwaqt li jenfasizza li l-akkumpanjament, id-dixxerniment u l-ħidma missjunarja huma l-pedament tas-Soċjetà ta’ Ġesù.
Waqt li jħares lejn il-futur tal-Knisja, l-Papa jfakkar li, skont xi wħud, din se tkompli “dejjem tiċkien”, u rridu “noqgħodu attenti li naqawx fil-pjaga tal-klerikaliżmu u tal-ispirtwaliżmu tad-dinja”. Dan, qal, filwaqt li kkwota lill-mibki Kardinal Henri de Lubac, ikun “l-agħar ħażen li jista’ jolqot lill-Knisja, agħar anke minn żmien il-Papiet libertini”.
Fl-aħħarnett, kull min se jkun is-suċċessur tiegħu fuq is-Sedja ta’ Pietru, l-Papa Franġisku jisħaq fuq l-importanza tat-talb għax “il-Mulej jitkellem fit-talb”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-08/pope-francis-offers-message-of-hope-for-the-chinese-people.html