ISHRU U ITOLBU GĦAX MA TAFUX META SE JIĠI L-MULEJ!
Minn Fr Michael A. Galea.
Kien fil-15 t’April tal-1912 bil-lejl. It-Titanic ħabat ma’ iceberg fil-punent tal-baħar Atlantiku u għereq. Kienu għerqu u mietu iktar minn elf u ħames mitt ruħ. Din tat-Titanic hija meqjusa bħala waħda mill-ikbar diżastri tal-baħar. Ftit tas-snin ilu kien hemm magazine li tkellem fuq din it-traġedja u lill-qarrejja għamlilhom din il-mistoqsija: “Kieku kontu fuq it-Titanic qed jegħreq kien ikollkom il-paċenzja toqogħdu tirranġaw is-siġġijiet qegħdin jaqgħu fuq xulxin?!” Domanda bla sens għax f’dik is-sitwazzjoni (agħjat ta’ nies qegħdin jegħrqu u sireni jdoqqu) ħadd ma kien se jħabbel moħħu biex jirranġa s-siġġijiet tat-Titanic. Tgħid spiritwalment qegħdin negħrqu aħna wkoll?!
Bdejna l-avvent. Il-kelma “avvent” tfisser miġja, allura żmien li fih naħsbu u nirriflettu fuqiż-żewġ miġjiet ta’ Ġesu’ Kristu kif jgħid San Ċirillu, isqof ta’ Ġerusalem. L-ewwel waħda seħħet meta ftit iktar minn elfejn sena ilu Ġesu’ twieled tarbija ċkejkna ġewwa l-għar ta’ Betlem u it-tieni waħda meta fl-aħħar tad-dinja, dan l-istess Ġesu’ għad jiġi glorjuż biex jiġġudika l-popli kollha (it-tajbin jieħdu l-premju għax kulma għamlu mal-fqar ikunu għamluh miegħu u l-ħżiena jieħdu l-kundanna għax ma jkunux għamlu mal-fqar dak li kellhom jagħmlu miegħu.) Lit-tajbin jgħidilhom: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja…” Imbagħad lill-ħżiena jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom, dak li m’ għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi m’għamiltuh. U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem…” (ara Mattew 25, 31-46)
Illum jien u int qegħdin ngħixu bejn dawn iż-żewġ miġjiet ta’ Ġesu’: ma konniex hemm ftit iktar minn elfejn sena ilu meta Ġesu’ twieled daqsxejn ta’ tarbija ġewwa Betlem. Għal issa lanqas tgħodd għalina l-ġurnata tal-ġudizzju universali. Għalkemm fil-vanġelu tal-lum Ġesu’ jitkellem minn taħwid fis-sema, fl-art u fil-baħar, dan ma nafux meta għad jiġri. Isimgħu x’jgħid Ġesu’ għal dak iż-żmien: “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u lanqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.” (Mark 13,32)
Sadanittant aħna nafu li l-ħajja tagħna fuq l-art hija qasira. Nistaqsi: kemm nistgħu ngħixu? B’saqajh mal-art, is-salmista jgħid: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu b’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (60,10). B’danf’moħħna (ma nafux meta se tkun il-laqgħa personali tagħna mal-Mulej) irridu nippreparaw ruħna tajjeb. Hu u jikkommenta dal-vanġelu, il-ġeżwita Viva Dasan jagħmel enfasi fuq il-kelma “ISSA”. Ħa naraw ftit. Ħa nagħmel erba’ riflessjonijiet qosra.
L-ewwel riflessjoni. Peress li ħajjitna hija qasira, issa hu l-mument li norganizzawha skont dak li jiġi l-ewwel, dak li jiġi t-tieni, dak li jiġi t-tielet u nibqgħu sejrin hekk sakemm dak li jiġi l-aħħar. Hekk pereżempju l-ħajja materjali m’għandhiex tiġi qabel il-ħajja spiritwali. Ix-xogħol u l-flus m’għandhomx jiġu qabel is-saħħa. Id-divertiment (għalkemm xi ħaġa importanti) m’għandux jiġi qabel ix-xogħol. U l-lista tkompli sejra hekk…F’kelma waħda, inpoġġu l-valuri fil-post propju tagħhom.
It-tieni riflessjoni. Issa hu ż-żmien li fih nishru u nitolbu. It-talb jiftħilna għajnejna sabiex inħossuna fil-preżenza t’Alla u naraw kollox fil-perspettiva propja tiegħu. It-talb jiżra’ f’qalbna l-paċi li tant nixtiequ, anki jekk qegħdin ngħixu qalb il-problemi u d-diffikultajiet tal-ħajja. Jekk nitolbu kif imiss jirnexxielna nisimgħu lil Alla jkellimna fis-skiet ta’ qalbna. Ejjew f’dan iż-żmien tal-avvent naqbdu f’idejna l-Iskrittura. Jiena ċert li se nsibu kelma sabiħa u li tgħodd għalina.
It-tielet riflessjoni. Issa hu ż-żmien li nħobbu lil xulxin u naqsmu bejnietna dak li l-Mulej jipprovdielna. Meta Alla sar bniedem bħalna, Huwa ġabar lilna lkoll mhux biss f’relazzjoni miegħU imma wkoll f’relazzjoni ma’ ħutna l-bnedmin. Bħala nsara ma nistgħu qatt nimxu weħidna imma f’relazzjoni mal-oħrajn: aħna membri ta’ familja waħda. Għalhekk jekk nixtiequ li fil-Milied li ġej Ġesu’ ħaj jiġi fostna, “qalbna trid tfur bl-imħabba għal xulxin.” (1Tessalonkin 3,12) Meta nagħtu minn dak li għandna, aħna ma niftaqrux imma nsiru iktar għonja u iktar sinjuri.
Ir-raba riflessjoni. Issa hu ż-żmien li nittamaw għax il-Mulej ġej. Immaġinak qed tistenna lil xi ħadd ġej mis-safar u int qed l-airport tistennieh. L-avvent li qegħdin nibdew illum huwa stennija għax il-Milied huwa l-ġrajja tal-ikbar imħabba. Il-Mulej li ġie iktar minn elfejn sena ilu, il-Mulej li se jiġi glorjuż fl-aħħar tad-dinja hu l-Mulej li se jiġi nhar il-Milied, mhux tant fit-tiżjin, fil-parties u fl-ikliet imma fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija. Ejjew nippreparaw ruħna tajjeb għax kif kien iħobb jgħid Sant’Wistin: “Nibża’ minn Alla għaddej.”