Niċċelebraw l-Ewkaristija bil-kant u l-mużika (4)…aktar Mirakli Ewkaristiċi

Il-Mirakli Ewkaristiċi (65) Minn Manwel Cutajar

Il-Kant Gregorjan u l-mużika polifonika fil-Liturġija Kristjana

Fl-artiklu preċedenti kkwotajt l-ewwel paragrafu tal-artiklu  nru.116 tal-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Sagra tal-Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, li jitkellem dwar il-Kant Gregorjan, issa llum nikkwota t-tieni paragrafu tal-istess artiklu fejn jitkellem speċifikament dwar il-mużika Sagra polifonika fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi: “…Iżda tipi oħra ta’ mużika Sagra,speċjalment il-polifonija,bl-ebda mod ma huma esklużi miċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, sakemm ikunu jaqblu mal-ispirtu tal-azzjoni liturġika,kif stabbilit fl-Art. 30.”

It-terminu polifonija (li etimoloġikament ġej mill-kelma Griega “poluphōnia” li tfisser “polu-” (ħafna)  u “phōnia” (ħoss) (għalhekk bil-Malti tfisser ħafna ħsejjes”)  oriġina fil-bidu tas-seklu 19.

Il-Polifonija fil-mużika timplika dik il-kombinazzjoni simultanja ta’ żewġ jew aktar toni, jew linjimelodiċi. Għalhekk, anki intervall wieħed magħmul minn żewġ toni simultanji jew korda ta’ tliet toni simultanji huma bażikament polifoniċi.                       (Referenzi:“Polifonija”, Encyclopædia Britannica, 2015).

Dan jista’ jseħħ f’kanzunetti sekulari jew għanjiet spiritwali,u l-qasam spiritwali jinkludi kemm mużika sagra (tipikament bl-użu ta’ test bibliku bil-Latin għal-liturġija) kif ukoll mużika reliġjuża (tipikament bl-użu ta’ test extra-bibliku bil-vernakulari għal barra l-liturġija). Il-kollezzjoni vasta ta’ għanjiet polifoniċi Sagri — normalment imsejħa motetti— kibret mill-Kant Gregorjan fil-Medju Evu tard (1100-1400).

Il-mużika sagra polifonika żviluppat aktar fir-Rinaxximent (1400-1600),riżultat tax-xogħlijiet ta’ kompożituri bħal Cristobal de Morales, Tomas Luis de Victoria u Orlande de Lassus. Forsi l-aktar kompożitur magħruf ta’ dan it-tip ta’ mużika kien il-kompożitur Taljan GiovanniPierluigi da Palestrina (1525-1594) li l-Papa Piju X faħħru ħafna fil-motu proprio tiegħu Tra le Sollecitudini  tal-1903.

Dal-Papa kien jemmen li l-polifonija tar-Rinaxximent kienet tikkorrispondi tajjeb ħafna mal-kant Gregorjan,li għalih hi “il-mudell suprem tal-mużika Sagra kollha.”

Aktar tard, il-Papa Piju XII kompla din il-linja ta’ ħsieb fl-Enċiklikatiegħu Musicae Sacrae tal-1955, fejn qal li: “Kulħadd żgur jaf li ħafna kompożizzjonijiet polifoniċi,speċjalment dawk mis-seklu 16 ‘il quddiem, għandhom purità artistika u rikkezza ta’ melodija li jagħmluhom kompletament denji li jakkumpanjaw u jsebbħu r-riti sagri tal-Knisja”.

Fid-dawl ta’ dawn l-istqarrijiet kemm tal-Konċilju Vatikan II kif ukoll ta’ diversi Papiet ħafna kompożituri magħrufa  fi żminijiet varji għarfu jiktbu mużika polifonika biex takkumpanja l-lirika ta’ għanjiet u innijiet b’ temi purament reliġjużi u teoloġiċi. Eżempju klassiku hu dak tal-kompożitur Awstrijaku Wolfgang Amadeus Mozart (1756-1791) li fis-sena 1791 bil-motett tipikament polifoniku tiegħu għaraf joħloq mużika korali Sagra mill-isbaħ biex takkumpanja l-lirika tal-Innu Ewkaristiku tas-seklu 14 bil-Latin “Ave Verum Corpus” (Sliem Għalik, Ġisem Veru) miktub mid-Duttur tal-Knisja San Tumas ta’ Akwinu, Dumnikan (1224-1274)

Il-Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja ta’ Santa Katarina ta’ Siena

Caterina Benincasa twieldet fil-25 ta’ Marzu 1347 f’Siena, l-Italja. Missierha Jacopo  u  martu Lapa Piagenti kellhom  25 wild. Lapa  welldet qabel iż-żmien tewmin bniet,

Caterina u Giovanna. Giovanna mietet f’idejn mreddgħa (wet-nurse).

Katarina, magħrufa bħala waħda mill-akbar mistiċi u teoloġiċi tal-Knisja Kattolika, iddedikat ħajjitha kollha lil Alla – bit-talb u s-servizz tagħha għall-Knisja Kattolika u l-umanità.

Waqt li kienet tgħix id-dar,ikkonfermat il-vot tagħha ta’ verġinità magħmula privatament meta kienet għadha adolexxenti. Kibret bħala persuna intelliġenti, ferrieħa, u reliġjuża ħafna. Katarina ddiżappuntat lil ommha billi qatgħet xagħarha bħala protesta kontra li kienet imħeġġa żżejjed biex ittejjeb id-dehra tagħha sabiex tattira lejha raġel biex tiżżewweġ. Iżda hi ma kellha l-ebda ħsieb u xewqa li tiżżewweġ.

 Riedet tiddedika ħajjitha kollha kemm hi għal Kristu.

Missierha ordna li titħalla fil-paċi, u ngħatat kamra tagħha għat-talb u l-meditazzjoni. Hekk hi setgħet tiddedika ruħha għat-talb, il-penitenza u l-opri ta’ karità, speċjalment għall-ġid tal-morda, il-foqra u dawk milquta mill-pesta, kif ukoll biex tikkonverti ”l-midinbin l-aktar imwebbsa.“  Meta Katarina kellha 16-il sena, imqanqla minn viżjoni ta’ San Duminku, daħlet fit-Terz Ordni tad-Dumnikani, il-fergħa femminili magħrufa bħala l-Mantellate.

Is-seklu li fih  għexet, l-erbatax-il seklu, kien perjodu mnikket u mqalleb fil-ħajja tal-Knisja Kattolika, u fil-kuntest soċjali kollu tal-Italja u tal-Ewropa.

Meta nfirxet il-fama tal-qdusija tagħha, Katarina saret il-protagonista ta’ attività intensa ta’ gwida spiritwali għal nies minn kull qasam tal-ħajja: nobbli u politiċi, artisti u nies komuni, irġiel u nisa kkonsagrati u reliġjużi.

Kitbet madwar erba’ mitt ittra indirizzati lir-rejiet, prinċipijiet u kapijiet ta’ Stati, kardinali, u saħansitra anki Papiet   fosthom il-Papa Gigorju XI li f’dak iż-żmien kien qed jgħix f’Avignon u li ħeġġitu b’mod enerġetiku u effettiv biex jirritorna Ruma.

Filfatt, fis-17 ta’ Jannar 1377 huwa rritorna lejn Ruma.

Katarina ħadmet bla heda għall-kruċjata kontra t-Torok u għall-paċi bejn Firenze u l-Papa. Fis-sena 1378 inbdiet x-Xiżma l-Kbira, li  qasmet il-lealtà tal-Kristjaneżmu bejn żewġ, imbagħad tlieta, Papiet. Din ix-Xiżma poġġiet ħafna kattoliċi  fuq naħat opposti.

Tul ħajjitha esperjenzat bosta viżjonijiet mistiċi kif ukoll Mirakli Ewkaristiċi.

Mitmugħa biss bl-Ewkaristija

Skont ir-rakkont imniżżel mill-konfessur tagħha, il-Beatu Rajmondu ta’ Capua, fil-kitbiet tiegħu jgħid li għal dawn l-aħħar seba’ snin ta’ ħajjitha, Katarina ma kielet xejn ħlief l-Ewkaristija. B’mod tal-għaġeb,permezz taʼ miraklu speċjali hija kienet litteralment mitmugħa minn Kristu fl-Ewkaristija biss u setgħet twettaq il-ħafna xogħlijiet tagħha ta’ servizz u pariri b’enerġija sorprendenti”.

Hekk ikompli jirrakonta l-Beatu Rajmondu 

Għal seba’ snin qabel mewtha  Katarina  ma ħaditx ikel f’ġisimha ħlief l-Ewkaristija. Madankollu,is-sawm tagħha ma affettwax l-enerġija tagħha. Hija żammet ħajja attiva ħafna matul dawk is-seba’ snin. Fil-fatt, ħafna mill-kisbiet kbar tagħha seħħew matul dak il-perjodu.”

Mirakli Ewkaristiċi Oħra

Katerina saħansitra esperjenzat mirakli kbar oħra assoċjati mal-Ewkaristija. Waqt il-Konsagrazzjoni tal-Ewkaristija fil-Quddiesa, rat lis-saċerdot jittrasforma ruħu f’Ġesù, u darba oħra l-Ewkaristija saret Ġesù Bambin f’idejn is-saċerdot. Ġurnata waħda, saċerdot li ma kienx jemmen fil-viżjonijiet ta’ Katerina u r-relazzjoni speċjali tagħha mal-Ewkaristija taha ostja mhux ikkonsagrata waqt it-Tqarbin, u mill-ewwel Katerina għarfet li ma kienx il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Barra minn hekk, bosta saċerdoti rrappurtaw li raw diversi drabi l-Ewkaristija ttir fil-knisja lejn Katarina.

Il-ħbieb tagħha raw li kull meta kienet tirċievi t-tqarbin, kienet tidħol f’estasi ta’ għaqda profonda ma’ Alla u kienet tinqata’ ‘l fuq mill-art.

Katarina mietet fil-29 ta’ April 1380 f’Ruma, u l-biċċa l-kbira ta’ ġisimha jinsab midfun fil-bażilika ta’ Santa Maria sopra Minerva. Rasha mummifikata  tinsab f’relikwarju fil-knisja ta’ San Duminku f’Siena, filwaqt li relikwi oħra tagħha jinsabu fil-knisja ta’ San Ġwann  u San Pawl f’Venezja.

Id-devozzjoni lejn Katarina ta’ Siena żviluppat malajr wara mewtha.

Il-Papa Piju II ikkanonizzaha fl-1461; ġiet iddikjarata Patruna ta’ Ruma fl-1866 mill-Papa Piju IX, u tal-Italja (flimkien ma’ San Franġisku ta’ Assisi) fl-1939 mill-Papa Piju XII.

Kienet it-tieni mara li ġiet iddikjarata Duttur tal-Knisja fl-4 ta’ Ottubru 1970 mill-Papa Pawlu VI – jiem biss wara Santa Tereża ta’ Avila.

Fl-1999 il-Papa Ġwanni Pawlu II ipproklamaha Patruna tal-Ewropa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading