Il-Papa Franġisku jħalli din id-dinja l-għada tal-Għid fl-età ta’ 88 sena

21/04/2025: Fid-9:45 ta’ dalgħodu, il-Kardinal Kevin Farrell, il-Kamerlengo tal-Kamra Appostolika, ħabbar il-mewt tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta b’dawn il-kliem:

“Għeżież ħuti, b’niket kbir inħabbar il-mewt tal-Qdusija Tiegħu Franġisku. Fis-7:35 ta’ dalgħodu, l-Isqof ta’ Ruma, Franġisku, irritorna għand il-Missier. Ħajtu kollha kienet iddedikata għas-servizz tal-Mulej u tal-Knisja Tiegħu. Huwa għallimna ngħixu l-valuri tal-Evanġelju b’fedeltà, b’kuraġġ, u b’imħabba universali, speċjalment favur l-iktar foqra u emarġinati. B’ferħ kbir għall-eżempju tiegħu bħala dixxiplu veru tal-Mulej Ġesù, nerġgħu nintelqu fir-rieda t’Alla u nħallu ruħ il-Papa Franġisku tgħaddi għand l-imħabba infinita u ħanina tal-Mulej.”

Il-Papa Franġisku f’Malta
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-Papa ddaħħal fl-Isptar Polikliniku Agostino Gemelli nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Frar 2025, wara li kien ilu jsofri diversi jiem minn bronkite.

Is-sitwazzjoni klinika tal-Papa Franġisku marret għall-agħar b’mod gradwali, u nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar, it-tobba tiegħu kkonfermaw li kellu pulmonite bilaterali.

Wara 38 ġurnata fl-isptar, il-Papa rritorna fid-dar tiegħu fil-Vatikan, Casa Santa Marta, biex ikompli jirkupra saħħtu.

Fl-1957, meta kien għadu fl-għoxrinijiet tiegħu, Jorge Mario Bergoglio għadda minn operazzjoni fl-Arġentina biex tneħħietlu parti minn pulmun minħabba infezzjoni respiratorja serja.

Meta kiber, il-Papa Franġisku spiss kien ibati minn mard respiratorju, u anke kien ikkanċella żjara ppjanata lejn l-Emirati Għarab Magħquda f’Novembru 2023 minħabba l-influwenza u infjammazzjoni fil-pulmun.

F’April 2024, il-Papa Franġisku approva edizzjoni aġġornata tal-ktieb liturġiku għall-funerali papali, li se jiggwida l-Quddiesa tal-funeral li għadha mhix imħabbra.

It-tieni edizzjoni tal-Ordo Exsequiarum Romani Pontificis tintroduċi diversi elementi ġodda, inkluż kif għandu jiġi trattat il-ġisem tal-Papa wara mewtu.

Il-verifika tal-mewt issir fil-kappella, mhux fil-kamra fejn miet, u l-ġisem tiegħu jitpoġġa immedjatament f’tebut.

Skont l-Arċisqof Diego Ravelli, iċ-Ċerimonier Uffiċċjali Appostoliku, il-Papa Franġisku talab li r-riti tal-funeral ikunu sempliċi u jiffukaw fuq l-espressjoni tal-fidi tal-Knisja fil-Ġisem Rxuxat ta’ Kristu.

“Ir-rit aġġornat,” qal l-Arċisqof Ravelli, “jenfasizza aktar li l-funeral tal-Papa Ruman huwa dak ta’ ragħaj u dixxiplu ta’ Kristu, u mhux ta’ xi persuna b’saħħitha ta’ dan id-dinja.”

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading