It-tebut tal-Papa jasal f’riġlejn l-artal tal-Bażilika ta’ San Pietru

24/04/2025: It-tebut tal-Papa Franġisku wasal f’riġlejn l-artal tal-Bażilika ta’ San Pietru wara li telaq mill-kappella ta’ Casa Santa Marta fejn kien espost. It-tebut kien akkumpanjat minn numru sostanzjali ta’ kardinali u isqfijiet li bħalissa qed jagħtuh l-aħħar tislima. Wieħed mill-patrijiet li sellmulu huwa Patri Ġorġ Attard OFM Conv. li hu wieħed mill-konfessuri tal-Bażilika San Pietru.

Eluf ta’ persuni jinsabu miġbura fi Pjazza San Pietru minn fejn għadu kif għadda dan it-tebut mikxuf akkumpanjat ukoll minn gwardi Żvizzeri.

Il-pubbliku se jkun jista’ jżur il-katavru espost tal-Papa Franġisku sal-Ġimgħa fis-7pm. Wara, il-Kardinal Kevin Farrell, se jagħlaq u jissiġilla t-tebut tal-Papa għall-funeral li se jsir l-għada s-Sibt.

Il-quddiesa tal-funeral se tibda fl-10am fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan, u se tkun iċċelebrata mill-Kardinal Giovanni Battista Re, id-Dekan ta-Kulleġġ tal-Kardinali, li kien ippresieda wkoll il-funeral tal-Papa Benedittu XVI fl-2023.

Il-funeral se jkun konformi mal-Ordo Exsequiarum Romani Pontificis, ktieb liturġiku dwar il-liturġija funebri ta’ papa. Ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1998, bit-tieni edizzjoni toħroġ is-sena li għaddiet fuq talba tal-Papa Franġisku.

Is-Sibt, għal ħabta tad-disgħa dakinhar RTK103 u Newsbook Malta se jxandru programm speċjali b’interventi live mill-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u l-programm se jinkludi fih ix-xandira tal-funeral.

Il-Papa Franġisku rritorna f’Dar il-Ħallieq l-għada tal-Għid il-Kbir fis-7.35am kawża ta’ puplesija u kollass kardjovaskulari irriversibbli.

L-Arċisqof Diego Ravelli li jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Papa, qal li Franġisku kien ippreżenta “rit imġedded” li emfasizza li l-funeral ta’ papa kien “dak ta’ ragħaj u dixxiplu ta’ Kristu u mhux ta’ persuna ta’ poter f’din id-dinja”.

Għal funeral tiegħu mistennija jattendu numru kbir ta’ mexxejja mid-dinja kollha fosthom il-President Amerikan Donald Trump, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prinċep ta’ Wales f’isem missieru r-Re Charles III, il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer u l-President Ukren Zelenskyy.

Il-Papa talab li jindifen fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Artiklu miktub minn Gabriel Lia

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading