Il-Papa Ljun XIV dwar l-Evanġelizzazzjoni mal-familji.

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI TAS-SEMINAR
“L-EVANĠELIZZAZZJONI FLIMKEN MAL-FAMILJI TAL-LUM U TA’ GĦADA –
SFIDI EKKLEŻJOLOĠIĊI U PASTORALI”,
ORGANIZZAT MID-DIKASTERU GĦAL-LAJĊI, IL-FAMILJI U L-ĦAJJA

[2-3 ta’ Ġunju, 2025]

Għeżież ħuti!

Jien kuntent li l-għada taċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Familji, tat-Tfal, tan-Nanniet u tal-Anzjani, grupp ta’ esperti ltaqgħu fid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familji u l-Ħajja, biex jirriflettu fuq it-tema: Evanġelizzazzjoni flimkien mal-familji tal-lum u ta’ għada.  Sfidi ekkleżjoloġiċi u pastorali.

Das-suġġett jesprimi sewwa l-preokkupazzjoni materna tal-Knisja għall-familji nsara li hawn fid-dinja kollha: membri ħajjin tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu u l-ewwel nukleju ekkleżjali li l-Mulej jafdalhom f’idejhom it-trażmissjoni tal-fidi u tal-Evanġelju, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Il-mistoqsija profonda dwar l-infinit imnaqqxa fil-qalb ta’ kull bniedem, lill-missirijiet u lill-ommijiet tgħabbihom bl-inkarigu li lil uliedhom jagħmluhom konxji dwar il-Paternità ta’ Alla skont kif kiteb Santu Wistin: “Kif fik hemm l-għajn tal-ħajja, hekk ukoll fid-dawl tiegħek naraw id-dawl” (Confessioni XIII, 16).

Żmienna mmarkat minn tfittxija dejjem tiżdied tal-ispiritwalità, ħaġa li tidher fuq kollox fiż-żgħażagħ imxennqin għal relazzjonijiet awtentiċi u  għal għalliema tal-ħajja.  Propju għalhekk huwa importanti li l-komunità nisranija tagħraf titfa’ ħarsitha fil-bogħod, issir kustodju, quddiem l-isfidi tad-dinja, tax-xenqa tal-fidi li tgħammar fil-qalb ta’ kull bniedem

Huwa partikolarment urġenti, f’dan il-kompitu, li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-familji illi, għal diversi raġunijiet, huma l-aktar imbiegħda spiritwalment: dawk li jħossuhhom maqtugħin, li jgħidu li m’għandhomx interess, inkella li jħossuhom imwarrbin mill-mixjet komuni, imma xorta waħda jixtiequ li b’xi mod ikunu jiffurmaw parti minn komunità li fiha jikbru, u magħha jimxu.  Kemm bnedmin illum jinjoraw l-istedina tal-laqgħa ma’ Alla!

Sfortunatament, quddiem dil-ħtieġa, il-firxa dejjem tikber tal-“privatizzazzjoni” tal-fidi, lil dawn ħutna ma tħallihomx isiru jafu l-għana u d-doni tal-Knisja, imkien ta’ grazzja, ta’ fraternità u ta’ mħabba!

Hekk, bix-xewqat sani kollha tagħhom, filwaqt li jfittxu sinċerament punti ma’ xiex jaqbu biex jitilgħu l-mogħdijiet sbieħ tal-ħajja u tal-hena sħiħ, ħafna jispiċċaw jiggranfaw ma’ ideat foloz illi ma jissodisfawx ix-xewqat tagħhom u jispiċċaw dejjem jiżżersqu ‘l isfel, jitbiegħdu minn Alla u jsiru nawfragi fil-baħar tal-istimoli mondani.

Fosthom hemm missirijiet u ommijiet, tfal, żgħażagħ u adoloxxenti, li kultant huma aljenati mill-mudelli illużorji tal-ħajja, li fihom mhemmx spazju għall-fidi, u li t-tixrid tagħhom hu kontribut kbir għall-użu ħażin tal-mezzi li minkejja li potenzjalment huma tajbin – bħalma huma l-facebook u siti oħra simili – jagħmlu ħafna ħsara meta jintużaw biex iwasslu messġġi qarrieqa.

Allura, dak li jmexxi l-Knisja fil-ħidma pastorali u missjunarja tagħha hu propju x-xewqa li tmur “tistgħad” għal din l-umanità, biex issalvaha mill-ilmijiet tal-ħażen u tal-mewt, permezz tal-laqgħa ma’ Kristu.

Forsi bosta żgħażagħ, li fi żmienna jagħżlu l-konvivenza minflok iż-żwieġ nisrani, fir-realtà għandhom bżonn li xi ħadd jurihom b’mod konkret u li jiftiehem, l-aktar bl-eżempju tal-ħajja, xinhu d-don tal-grazzja sagramentali u liema forza tintissel minnu; xi ħadd li jgħinhom jifhmu “l-ġmiel u l-kobor tas-sejħa għall-imħabba u għas-servizz tal-ħajja” li Alla jirregala lill-miżżewġin (San Ġwanni Pawlu II, Eż. App. Familiaris consortio, 1).

Bl-istess mod, bosta ġenituri, fl-edukazzjoni għall-fidi ta’ wliedhom, jeħtieġu komunitajiet li jgħinuhom joħolqu kundizzjonijiet xierqa sabiex dawn ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Ġesù, “imkejjen li fihom isseħħ dik il-komunjoni ta’ mħabba li ssib l-għajn aħħarija tagħha f’Alla nnifsu” (Franġisku Udjenza ġenerali 9 ta’ Settembru, 2015).

Il-fidi, qabel kollox, hi tweġiba għal ħarsa ta’ mħabba, u l-akbar żball li nistgħu nagħmlu bħala nsara, fi kliem Santu Wistin, hu illi “jidhrilna li l-grazzja nisbuha biss fi Kristu u fl-eżempju tiegħu u mhux fid-don tal-persuna tiegħu”.  Kemm drabi, fil-passat forsi mhux tant imbiegħed, insejna dil-verità u l-ħajja nisranija qisnieha prinċipalment damma ta’ preċetti li jeħtieġ nimxu fuqhom waqt li l-esperjenza meraviljuża tal-laqgħa ma’ Ġesù, Alla li jingħata għalina, bdilnieha f’reliġjon moralistika, tqila, ftit li xejn tiġbdek, u f’ċertu sens impossibbli fil-konkretezza tal-ħajja ta’ kuljum.

F’dax-xenarju jmiss qabel kollox lill-Isqfijiet, suċċessuri tal-Appostli u Ragħajja tal-merħla ta’ Kristu, jitfgħu x-xbiek fil-baħar u jsiru “sajjieda tal-familji”.  Però l-lajċi wkoll għandhom sejħa li jinvolvu ruħhom f’dil-missjoni, biex flimkien mal-Ministri ordnati jsiru “sajjieda” ta’ koppji, ta’ żgħażagħ, tfal, nisa u rġiel ta’ kull età u kundizzjoni, biex ilkoll ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ dak li hu biss jista’ jsalva.  Ilkoll kemm aħna, infatti, bil-Magħmudija sirna Saċerdoti, Rejjiet u Profeti għal ħutna u sirna “ġebel ħaj” (cfr 1 Pt 2,4-5, biex nibnu l-binja ta’ Alla “fil-komunjoni fraterna, fl-armonija tal-Ispirtu, fil-konvivenza tad-diversitajiet” (Omelija 18 ta’ Mejju, 2025).

Għalhekk nitlobkom biex tingħaqdu mal-isforzi li qed tagħmel il-Knisja hi u tfittex dawk il-familji li, għax waħedhom, mhux qed jersqu aktar; biex nifhmu kif nistgħu nimxu magħhom u kif nistgħu ngħinuhom jiltaqgħu mal-fidi, ħalli min-naħa tagħhom huma wkoll isiru “sajjieda” ta’ familji oħra.

Tħallux is-sitwazzjonijiet diffiċli li ssibu ma’ wiċċkom, jaqtgħulkom qalbkom.  Hu minnu li llum in-nukleju tal-familja hu miġrugħ b’tant  modi, iżda “L-Evanġelju tal-familja jsaqqi wkoll dik iż-żerriegħa li għadha qed tistenna biex tnibbet u tikber, u għandu jieħu ħsieb ukoll ta’ dawk is-siġar li nixfu u għandhom bżonn min jagħti kashom u mhux jittraskurahom” (Franġisku, Eż. App. Amoris Laetitia, 76).

Għalhekk hemm ħtieġa kbira li nippromvowu l-laqgħa mat-tenerezza ta’ Alla, li tivvaolrizza u tħobb l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ma jfissirx li trid tingħata tweġiba ta’ malajr għal kull mistoqsija impenjattiva, daqskemm li nkunu qrib tal-persuni, nisimgħuhom, nippruvaw nifhmu flimkien magħhom kif niffaċċjaw id-diffikultajiet, lesti wkoll li ninfetħu, meta jinqala’ l-bżonn, għal kriterji ġodda ta’ valutazzjoni u għal diversi mudelli ta’ azzjoni, għax kull ġenerazjzoni hi differenti mill-oħra u tippreżenta sfidi, ħolm u mistoqsijiet tipiċi tagħha.  Iżda, fost tant tibdil, Ġesù Kristu jibqa’ “l-istess ilbieraħ, illum u dejjem” (Lhud 13,8)  Għalhekk, jekk irridu ngħinu lill-familji jimxu mixjiet henjin ta’ komunjoni u jkunu żerriegħa ta’ fidi għal xulxin, qabel kollox jeħtieġ nikkultivaw u nġeddu l-identità tagħna bħala nies li nemmnu.

Għeżież ħuti, irroddilkom ħajr għal dak li tagħmlu!  L-Ispirtu s-Santu jmexxikom biex tiddixxernu kriterji u manjieri ta’ impenn ekkleżjali mmirati biex iwieżnu u jmexxu ‘l quddiem il-pastorali tal-familja.  Ejjew ngħinu lill-familji biex bil-kuraġġ jisimgħu il-proposta ta’ Kristu u l-istedin tal-Knisja!  Niftakar fikom fit-talb tiegħi u minn qalbi ntikom il-Barka Appostolika.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading