Santa Marija tqajjimna min-ngħas tal-apatija. Omelija mill-Kardinal Mario Grech fil-Pontifikal tal-Għid tal-Assunta

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu 2025: Omelija mill-Em.T. il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Legat Pontifiċju fil-Pontifikal Solenni tat-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-Sema. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Ċelebrazzjoni sħiħa:

Omelija biss:

Omelija mill-Kardinal Mario Grech

Jekk dalgħodu wieħed jgħid li llum hija festa kbira, ikun qed jgħid ftit wisq – ikun jagħmel dak li bl-Ingliż jissejjaħ understatement! Għax jekk irridu nkunu korretti, kemm teoloġikament u kemm b’rispett lejn ir-reliġjożità popolari, għandna ngħidu fi kliem San Massimiljanu Marija Kolbe li llum feġġet “l-awrora li tħabbar dik ix-xemx li qatt ma tinżel”. Kif dakinhar tal-Għid il-Kbir, il-Knisja tkanta li sebaħ jum mingħajr għabex, hekk illum, l-Għid tal-Assunta, nistgħu ngħidu li reġa’ feġġ għalina jum li d-dawl tiegħu ma jintefiex, għax bit-Tlugħ glorjuż tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem Santa Marija tirċievi b’mod antiċipat ir-rahan li hemm lest għalina lkoll: hija tipparteċipa mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.

Meta jirrakkontaw il-Qawmien ta’ Ġesù, l-evanġelisti jużaw verb li normalment aħna nużawh mas-sebħ ta’ jum ġdid: “mhuwiex hawn [fil-qabar], għax qam!” (Lq 24:6). L-evanġelisti bħal donnhom iridu jfakkruna li kull filgħodu xħin aħna niftħu għajnejna jseħħ ‘qawmien’ żgħir – induqu l-Għid li huwa jum li d-dawl tiegħu ma jħallix lil għajnejna jingħalqu. Dan kollu nistgħu ngħiduh illum għal Santa Marija. Hija mhix fil-qabar għax qamet. U kemm nixtieq li għalenija nistħajlu x-xbieha ta’ Santa Marija, li bil-ġmiel tagħha ssaħħar din il-Knisja Katidrali u t-toroq ta’ beltna, tgħidilna: “Agħmlu l-qalb! L-id ta’ Ibni Ġesù qajmitni mir-raqda tal-mewt, u kemm nixtieq li intom devoti tiegħi tqumu”. Għax tassew għandna bżonn inqumu waħda sewwa!

Dik li aħna fil-Punent insejħu l-festa tal-Assunzjoni, fl-Orjent – sa mis-seklu 4 –  hija magħrufa bħala l-festa tad-Dormitio Virginis – il-festa tar-Raqda tal-Madonna. Il-Papa Ljun XIV innifsu, fl-ittra li biha jaħtarni bħala Legat Straordinarju għal dawn il-festi, juża dawn iż-żewġ titli: “Ferħana bl-ittra tal-Venerabbli Ħuna Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, u tal-Kapitlu Katidrali tiegħu, ġejna mgħarrfa li fl-istess knisja, jiġifieri dik iddedikata lid-Dormizzjoni ta’ Marija, se jiġi ċċelebrat il-ħamsin anniversarju tal-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Assunta, li ġa sa mis-sena 1791 ilha mqiegħda fuq l-altar f’dan il-maqdes, bħala għelm ta’ devozzjoni leali u għaqda fil-fidi ta’ din il-ġemgħa, waqt il-Quddies Solenni tal-15 ta’ Awwissu li ġej, jiġifieri fis-Solennità tal-Assunzjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija”.

Meta l-Insara Ortodossi jirreferu għal din il-festa bħala “Dormizzjoni” (“l-irqad”) tat-Theotokos aktar milli bħala “Assunzjoni” (jew “translazzjoni” fiżika) tagħha fis-Sema, huma ma jfissrux li l-Madonna ma mititx; imma kif josserva l-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli Bartilmew I, “biex jenfasizzaw li Marija hija umana, li mietet u ġiet midfuna bħall-bqija tal-bnedmin. Dan jagħtina ċ-ċertezza li – għalkemm ‘la qabar u lanqas il-mewt ma setgħu jżommu lit-Theotokos, it-tama tagħna li qatt ma titħawwad u l-protezzjoni tagħna li dejjem tishar’ (mill-Kontakion tal-jum) – Marija hija fil-verità ħafna aktar qrib tagħna milli naħsbu; ma telqitniex. Kif jenfasizza l-Apolytikion tal-Festa: ‘Fit-twelid, inti ppreservajt il-verġinità tiegħek; fil-mewt, inti ma tlaqtx lid-dinja, o Theotokos. Bħala Omm tal-ħajja, inti mort lejn l-għajn tal-ħajja, u ħlist lir-ruħ tagħna mill-mewt permezz tal-interċessjonijiet tiegħek’”.

Mis-seklu 17 ’il quddiem, meta t-teologi bdew jiddiskutu l-passaġġ ta’ Marija minn din il-ħajja għall-oħra, nibet dibattitu li qatt ma ngħalaq, tant li la l-Papa Piju XII fil-Bolla tal-Assunzjoni u lanqas il-Konċilju Vatikan II ma jitkellmu dwar jekk Marija mititx jew le. Il-problema li madwarha jdur id-dibattitu kollu hu t-twemmin tagħna, domma ta’ fidi oħra, li Marija hi mingħajr dnub, fit-tnissil – l-Immakulata Kunċizzjoni – u f’ħajjitha. Konvinti minn din il-grazzja straordinarja ta’ Marija, xi teologi jargumentaw li jekk Marija kienet bla dnub, allura ma setgħetx issofri l-konsegwenzi tad-dnub, inkluża l-mewt. Marija, għax bla dnub, ma setgħetx tmut.

Imma jekk aħna nemmnu li Kristu miet, u qam mill-mewt, allura ma narax għalfejn Marija ġiet meħlusa minn dak li Binha stess, is-Salvatur, għadda minnu. San Ġwanni Pawlu II f’diskors li kien għamel fl-1997 kien indirizza din it-tema u qal: “Huwa possibbli li Marija ta’ Nazaret esperjenzat fil-ġisem tagħha d-drama tal-mewt? Meta nirriflettu fuq id-destin ta’ Marija u r-relazzjoni tagħha ma’ Binha divin, jidher leġittimu li nwieġbu b’mod affermattiv: peress li Kristu miet, ikun diffiċli li wieħed isostni l-kontra għall-Omm tiegħu”. Fl-istess diskors, San Ġwanni Pawlu II, wara li jsaħħaħ il-fehma tiegħu bit-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja, ikompli jgħid: “Huwa minnu li fir-Rivelazzjoni l-mewt tiġi ppreżentata bħala kastig tad-dnub. Madankollu, il-fatt li l-Knisja tħabbar lil Marija ġiet meħlusa mid-dnub oriġinali bi privileġġ divin uniku ma jwassalx biex wieħed jikkonkludi li hi rċeviet ukoll l-immortalità korporali. L-Omm mhix superjuri għall-Iben, li aċċetta l-mewt (taha tifsira ġdida u biddilha f’għodda ta’ salvazzjoni). Billi kienet involuta fl-opra tar-Redenzjoni u assoċjata mal-offerta salvifika ta’ Kristu, Marija setgħet taqsam it-tbatija u l-mewt fid-dawl tar-redenzjoni tal-umanità. Dak li jgħid Severu ta’ Antjokja dwar Kristu, japplika wkoll għaliha: ‘Mingħajr mewt preliminari, kif jista’ jseħħ il-qawmien?’ (Antiiulianistica, Beirut 1931, 194s). Biex tieħu sehem fil-qawmien ta’ Kristu, Marija kellha qabelxejn taqsam miegħu l-mewt” (Ġwanni Pawlu II, Udjenza ġenerali, 25 ta’ Ġunju 1997).

Punt interessanti f’dan kollu li nixtieq inġib għar-riflessjoni tagħkom hu li r-raġuni teoloġika ta’ dawk li jsostnu li Santa Marija ma mititx imma raqdet kienet l-argument favur l-apatija ta’ Marija. Apatija tfisser “a-pathos”, ma tħoss xejn, ma ssofrix, ma tafx x’inhu d-dulur… Marija hija mingħajr dnub u għalhekk ma tistax isoffri jew tbati! Fi kliem ieħor, għal raġunijiet teoloġiċi, dan id-dibattitu mexa lejn il-konklużjoni li f’Marija hemm apatija, nuqqas ta’ pathos, l-inkapaċità li ssofri bħalma jsofri kulħadd. Skont dan il-kurrent teoloġiku, Marija hija insensibbli għal dak kollu li jikkawża nkwiet, tħassib, turment jew dispjaċir, u għalhekk ġrajjiet l-aktar drammatiċi ma jmissuhiex!

Jien fuq din l-apatija nixtieq nitkellem. Għax jekk l-apatija fil-każ ta’ Marija hija frott tal-argument teoloġiku, inħoss li aħna maħkumin minn apatija, li din id-darba mhix frott ta’ ħsieb, imma frott il-konvenjenza, fis-sens li kkonvinċejna ruħna li jaqblilna nkunu indifferenti quddiem is-sitwazzjonijiet imwiegħra tal-ħajja. It-teoloġija tgħid li Marija ma setgħetx tbati għax kienet bla dnub; fil-każ tagħna, iżda, aħna nagħżlu li nkunu apatetiċi. Fil-każ ta’ Marija, hija apatija neċessarja; fil-każ tagħna hija apatija magħżula: aħna nagħżlu li ma jkollniex pathos, li ma nħossux, li ma nsofrux, li nagħlqu għajnejna quddiem dak li jista’ jdewwaqna t-tbatija! Ħassieb kontemporanju li jgħix il-Ġermanja u li ftit ilu ppubblika ktieb bl-isem (fit-traduzzjoni Taljana tal-ktieb) La società senza dolore (Is-soċjetà mingħajr tbatija), jagħmel mistoqsija: “Għidli x’relazzjoni għandek mat-tbatija u ngħidlek min int!” (ara Byung-Chul Han, La società senza dolore, Einaudi 2021). Effett ta’ dan it-terrur mit-tbatija sirna qisna lluppjati b’tali mod li m’aħniex nindunaw xi tbatijiet hawn madwarna. Nagħti ftit eżempji…

Filwaqt li f’dawn il-jiem aħna nisimgħu l-bombi tal-festa, ftit ’il bogħod minna n-nies ilhom xhur sħaħ taħt xita ta’ bombi mitfugħa biex jagħmlu ħerba; filwaqt li fil-festi aħna nieklu u nixorbu, f’Gaza hemm persuni li qed imutu bil-ġuħ u bil-għatx. Għaliex quddiem din it-tbatija attroċi ħafna jibqgħu gallerija? Kif f’dan ix-xenarju tal-gwerer irnexxielna ‘nedukaw’ il-kuxjenza tagħna biex tibqa’ siekta u ninsew li s-silenzju huwa kompliċità?

Is-soċjetà tagħna tant saret ma tittollerax it-tbatija, tant saret ma tafx tgħix mumenti ta’ fraġilità, li hawn min jidhirlu li l-iqsar triq biex tittratta qagħdiet ta’ mard terminali huwa billi wieħed iħaffef il-proċess tal-mewt. Proprju għax tlifna l-abbiltà li nħossu ma’ min qed ibati, proprju għax sirna nistmerru npoġġu jdejna fuq il-pjagi tal-proxxmu – forsi wkoll għaliex jidhrilna li mhux sew jintefqu flus għalxejn! – qed insiru inklinati li nagħżlu li noqtlu!

Kemm minna jagħtu kas ta’ dak li jissejjaħ “il-luttu ekoloġiku”, jiġifieri dik it-tbatija emottiva li jħossu dawk li qed jaraw l-ambjent jinqered? Il-kilba għall-flus qed twassal biex ħafna mill-ambjent tagħna qed jiġi sfruttat; dak li xi wħud isejħu żvilupp, huwa biss pussess irresponsabbli ta’ patrimonju ambjentali li aħna fid-dmir li nikkonservaw anki biex niffrankaw tbatija u ansjetà lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan u aktar huwa konsegwenza ta’ kultura apatetika li qed tissawwar fostna, u jekk nibqgħu rieqda, il-qagħda tkompli sejra għall-agħar. Għalhekk jgħodd għalina dak li San Pawl jikteb lir-Rumani: “Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas” (Rum 13:11).

Dalgħodu qajmuna l-moti tal-qniepen ta’ din il-Knisja Katidrali, fejn filwaqt li għandna lil Santa Marija taħt il-mant regali, fl-istess ħin fil-Kappella tas-Sagrament hemm il-kwadru tal-Addolorata, ta’ dik li tieqaf ħdejn is-Salib ta’ Binha u mas-salib ta’ wliedha. Dan id-daqq ħlejju jaf iqajjem il-kuxjenza kollettiva tagħna biex intajru minn fuqna din il-kappa tal-apatija u nsiru aktar sensibbli għat-tbatija li hawn madwarna, u nfittxu ngħaqqdu l-forzi tagħna biex bl-imħabba nakkumpanjaw lil min qiegħed taħt id-deffa. Neħtieġu qawmien kollettiv biex noħorġu minn sistema li ġabitna aktar individwalisti, passivi u indifferenti quddiem diversi għamliet ta’ tbatija – kultura li rrendietna bħat-tliet xadini tal-istorja: la naraw, la nisimgħu u lanqas nitkellmu!

Bil-qawmien tagħha mill-mewt, Santa Marija wkoll qed tistedinna biex inqumu min-ngħas tqil li waqa’ fuqna, niftħu għajnejna biex nintebħu bil-bidla li għaddejja madwarna u, imnebbħin minnha, flimkien nibnu ġejjieni li jagħti nifs lil kulħadd, b’mod partikulari li min huwa żgħir u jħossu mhedded u mirfus. Huwa biss jekk noqogħdu għall-kelma tal-Assunta, li tgħidilna dak li qalet lill-qaddejja ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu [Ġesù]” (Ġw2:5), li jkun jagħmel sens dak li għamilna nhar il-Ħadd li għadda, meta ġeddidna l-għażla li għamlu l-antenati tagħna meta poġġew kuruna ta’ deheb u ħaġar prezzjuż fuq ras Santa Marija u hekk erġajna għarafna lil dik li ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem bħala r-“Reġina tagħna”. Huwa biss jekk lil Santa Marija nilqgħuha bħala r-Reġina tagħna, li nkunu nistgħu nkantaw: “Għawdex kollu tbiddel f’Ġenna, festa u ferħ ma’ kullimkien”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading