Għamilna biss dak li kellna nagħmlu. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

It-Tlieta, 11 ta’ Novembru 2025: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa għall-Gradwati ġodda, Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

“Kull ħin inbierek il-Mulej; tifħiru dejjem fuq fommi” (Salm 34:2). Illum qegħdin infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla talli intom, għeżież gradwati ġodda, wasaltu b’suċċess għal Jum il-Gradwazzjoni tagħkom.

Il-quddiesa hija l-aqwa ċelebrazzjoni biex nagħmlu dan, għax hija Ewkaristija, jiġifieri att ta’ ringrazzjament. Dak kollu li għandkom u li sseħħilkom tiksbuh, ġej minn Alla: l-intelliġenza, ir-rieda soda, il-perseveranza, l-appoġġ tal-familji tagħkom, u d-dedikazzjoni tal-edukaturi li mexxewkom fil-vjaġġ akkademiku tagħkom fl-Università. Kollox huwa rigal. U kull rigal jistedinna biex nħarsu lejn Alla b’umiltà u b’qalb mimlija gratitudni lejh u lejn dawk kollha li jagħmlulna l-ġid.

Illum niċċelebraw mhux biss it-tmiem ta’ fażi, imma wkoll il-bidu ta’ fażi ġdida. Il-gradwazzjoni hija bħal bibien li jinfetħu għal orizzonti ġodda – mimlija tama, sfidi, u opportunitajiet biex tkomplu tikbru bħala bnedmin u tiżviluppaw it-talenti li takom Alla.

Sens ta’ responsabbiltà

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid kliem li jista’ jissorprendi: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu’” (Lq 17:10).

X’jiġifieri “ma niswew għal xejn”? Aħna nafu li niswew, u Ġesù nnifsu jurina li niswew ħafna, li kull ħajja umana hi prezzjuża u għażiża. Dan il-kliem ma jfissirx li Ġesù jnaqqas mill-valur tagħna jew ta’ dak li nagħmlu. Bil-maqlub – Ġesù qed jiftħilna għajnejna fuq x’inhu l-qofol tas-servizz Nisrani. Hu jfakkarna li kull talent, kull suċċess u kull ħila li għandna huma doni, mhux mezzi biex nitkabbru.

Il-kliem ta’ Ġesù jmur kontra l-mentalità li tgħid: “Ħares lejja, ara x’għamilt jien, x’qed nagħmel jien!”, u jistedinna ngħidu: “għamilna dak li kellna nagħmlu”. Qdejna r-responsabbiltà tagħna. Dan hu l-ispirtu tal-qaddej, li jħoss li s-suċċess tiegħu ma jġagħlux jintrefa ’l fuq minn ħaddieħor, imma  jservi b’impenn, b’imħabba u b’ġenerożità.

Onestà u integrità: il-pedament tal-karattru

Il-gradwazzjoni tagħlaq kapitlu, u tiftaħ ieħor: kapitlu fejn se taffaċċjaw responsabbiltajiet,  deċiżjonijiet u sfidi ġodda li forsi kultant se jittestjawkom aktar mill-eżamijiet.

Għeżież gradwati, l-iktar tagħlima importanti li tistgħu toħorġu biha mhijiex biss l-għarfien akkademiku jew il-ħila teknika, imma l-valuri li se jmexxukom. Insemmi, b’mod partikulari, l-onestà u l-integrità li nitlob lill-Mulej li jkunu fil-qalba tal-ħajja u tal-ħidma tagħkom.

Persuna onesta tgħix bil-verità anke meta jkun aktar faċli tigdeb jew tkun falza. Persuna ta’ integrità żżomm kelmtha, u ma tħallix il-kalkolu personali jħassar il-kuxjenza.

Persuna onesta u ta’ integrità tibqa’ tagħmel dak li hu sewwa anke meta ħadd mhu qed jaraha. Nixtieqkom tiftakru li l-ħażin hu ħażin mhux għax tinqabad tagħmlu, jew għax xi ħadd f’daqqa waħda jiskoprih, imma għax hu ħażin. Ukoll jekk jirnexxilek tqarraq b’ħafna nies fil-ħajja, il-ħażin jibqa’ ħażin u fil-fond ta’ qalbek taf li dik mhix ħajja ta’ suċċess.

Żgur tagħrfu kemm hemm bżonn ta’ persuni onesti u integri fis-soċjetà tal-lum, fejn xi kultant il-gwadann personali jsir il-kejl ewlieni fil-ħajja, il-qerda tal-ħolqien ta’ Alla ssir il-libsa tal-progress u l-prosperità, il-qerq isir għodda aċċettabbli fil-mod kif tittratta lin-nies, il-gidba ssir lingwa komuni. Għandna tant bżonn ta’ nies li jgħixu l-verità b’mod konsistenti, nies li jkunu ta’ fiduċja u trasparenza. Mingħajr onestà, l-għerf iservi ta’ dannu; mingħajr integrità, il-progress isir theddida.

Tafu li l-kultura tar-regħba hi mifruxa – biżżejjed inħarsu lejn l-isfruttament tal-art u l-qerda tas-sbuħija tal-ħolqien. Tħallux il-kilba għall-flus tagħmikom u tmexxikom fl-għażliet tagħkom, tħallu lil ħadd jixtrikom. Tkunux kompliċi fil-korruzzjoni u f’kull forma ta’ abbuż li jnawwar is-soċjetà. Aħdmu b’onestà u b’integrità ħalli tagħtu sehemkom għal soċjetà ġusta li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Is-servizz: il-miżura tal-kobor veru

Il-kultura madwarna ħafna drabi tkejjel is-suċċess bil-pożizzjoni, bis-salarju jew bil-kunsens popolari. Imma Ġesù jħares b’għajnejn differenti. Jitkellem fuq il-qadi, u jgħidilna: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom” (Mt 20:26).

Ftakru li l-veru kbir hu dak li jservi. Il-veru mexxej hu dak li jaħdem għall-ġid tal-oħrajn. Intom se tkun impenjati f’diversi professjonijiet. F’kull wieħed minn dawn, issibu l-veru sens tal-ħajja meta tużaw dak li  tgħallimtu biex isservu.

Nistedinkom biex fil-qadi tal-professjoni tagħkom, ma tħarsux lejn in-nies qishom kienu numri jew oġġetti, u lanqas tittrattawhom b’arroganza. Imma ħarsu lejhom bħala xbieha ta’Alla, b’rispett kbir lejn il-ħajja u d-dinjità tagħhom. Ftakru li kull ħajja umana hi għażiża, hi liema hi r-razza tagħha, il-lewn tagħha, ir-reliġjon tagħha, u kull tip ta’ diversità oħra; u tkun f’liema stadju tkun ta’ żvilupp tagħha.

Impenn fis-soċjetà Maltija

Illum, filwaqt li nifirħu magħkom, inħarsu ’l quddiem b’tama. Intom il-ġenerazzjoni li għandha l-opportunità u r-responsabbiltà li tfassal soċjetà b’valuri li tassew jibnuha

Il-Mulej jistieden lil kull wieħed u waħda minnkom biex tużaw dak li tgħallimtu u l-kreattività tagħkom biex tagħmlu lil Malta, u kull fejn tkunu, post aktar ġust, aktar uman, aktar mimli b’tama. Il-fidi tagħti direzzjoni lill-għerf u l-enerġija tagħkom biex timpenjaw ruħkom bis-sħiħ fil-ħidma għall-ġid komuni.

Inwessgħu l-viżjoni

Irridu llum, f’din l-okkażjoni sabiħa, inwessgħu l-viżjoni u nħarsu dak li qed jiġri fid-dinja. Waqt li nifirħu bis-suċċessi tagħkom fil-qasam tal-istudji, irridu niftakru f’tant żgħażagħ bħalkom li minħabba l-gwerer, il-vjolenza u l-faqar mhumiex f’qagħda li jkomplu l-istudji tagħhom, li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, u li jgħixu fil-paċi. Ħa jkunu f’qalbna u f’talbna.

Għeżież gradwati, minn qalbi nawguralkom li tkunu ħmira ta’ ġid fid-dinja, li l-ħajja tagħkom tkun storja ta’ success għax tirnexxu fl-aspirazzjonijiet tagħkom imma, fuq kollox, għax tgħixu bis-sħiħ il-valuri umani u Nsara li huma espressjoni ta’ karattru sod. U intom u mexjin fit-triq tal-ħajja, ftakru dejjem f’dak il-kliem sempliċi imma profond ta’ Ġesù: “Għamilna biss dak li kellna nagħmlu.”

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading