Prietka tat-Tifel – Milied 2025

… miktuba mill-Arċipriet Joseph Curmi

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Cantate Dominum, canticum novum,

Quia mirabilia fecit

Għannu lil Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Din il-lejla wisq sabiħa fejn il-ksieħ ma jbeżża’ ’l ħadd. In-ngħas li jaqa’ fuq għajnejna f’dan il-lejl bħal inħossuh itellifna u nagħmlu minn kollox biex inkeċċuh. Din il-lejla toffri tama. Tiftaħ bibien fil-qlub li jkunu ilhom żmien magħluqa.

“Għax tweldilna tifel,

ingħatalna iben;

is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:

Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,

Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem” (Iż 9:5).

Din hi l-lejla tal-familja. F’din il-lejla kull familja, kull persuna tista’ tħossha parti mill-Familja ta’ Nazaret. F’din il-lejla kulħadd, maħbub jew imwarrab, b’saħħtu jew marid, kalm jew imweġġa’, jista’ jidħol għas-sħana tal-familja li ħalliet kollox biex tkun tista’ tilqa’ wild ġdid, biex tkun tista’ tilqa’ l-Iben ta’ Alla.

Għalhekk ħalluni llum b’erba’ kelmiet fqajra neħodkom tul dan il-vjaġġ tal-Familja ta’ Nazaret. Ħalluni nerġa’ nsaħħarkom bis-sbuħija tal-familja, għax kollha kemm aħna, nafu jew ma nafux, nixtiquha.

Marija u Ġużeppi

L-istorja tibda b’mod stramb. Tfajla u ġuvni, Marija u Ġużeppi, li jinħabbu tant li lesti biex jiffurmaw familja flimkien. Anġlu jwassal is-sejħa ta’ Alla biex flimkien jilqgħu tarbija mnissla mill-Ispirtu s-Santu u mwielda minn Marija. Huma jitħawdu u jibżgħu, għax it-tarbija hi l-Messija. Iżda l-maturità tagħhom twassalhom biex jerħu l-pjanijiet tagħhom u jibdew jgħixu għal din it-tarbija li se titwieled.

Għeżież, ħalluni ntennilkom il-kelma tal-anġlu: “La tibżgħux”. Kemm sirna nibżgħu nikkommettu ruħna! Iva, il-ħajja ta’ Ġużeppi u Marija tinbidel f’ħakka t’għajn. Filli bil-pjanijiet tagħhom u filli kollox idur mat-tarbija. Imma mhux hekk sabiħa l-ħajja? Mhux hekk għallimna Kristu bl-eżempju tiegħu? “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art tibqa’ weħidha” (Ġw 12:24)? Tbeżżgħuhomx miż-żwieġ liż-żgħażagħ tagħna. Titkellmux ħażin dwar is-sagrifiċċji li titlob kull vokazzjoni. Sagrifiċċju mhux ismu miegħu? Imma dak hu li jagħti l-ħajja.

Jispiċċaw f’għar

U malli Ġużeppi u Marija jilqgħu s-sejħa kbira, ikollhom imorru Betlehem. Għax jaħasra kienet familja li kieku aħna ngħidulhom: “Imsieken, kollox jiġihom ħażin”. Kellhom imorru jinkitbu. U post ma jsibu mkien. Ifakkruni ħafna fiż-żgħażagħ tagħna, li bħal donnu wisa’ għall-bejta tagħhom m’hemmx. Ifakkruni fl-għarajjes tagħna li jagħrqu l-għaraq tad-demm biex ikollhom saqaf fuq rashom. Ifakkruni f’tant familji żgħar li jirriskjaw li biex iħallsu l-loan tal-“house” jitilfu l-“home”.

Kemm nitkażaw b’sid il-lukanda fl-istorja ta’ Betlehem! Hemm bżonn li bħala soċjetà u Knisja nitkażaw ftit iktar b’din l-inġustizzja, għax kulħadd għandu dritt li jkollu roqgħa art fejn jibni l-bejta tiegħu. Iva, hemm bżonn li ma noqogħdux ninħbew fuq min jaqbillu u min ma jaqbillux. Ħadd ma jaqbillu li l-familja titkisser. Ħadd ma jaqbillu li l-bniedem ikun stressjat. Ħadd ma jaqbillu li tikber id-differenza bejn il-fqir u s-sinjur.

Jaħarbu biex jipproteġu lil Ġesù

U l-istorja ta’ din il-familja ma tiqafx hawn. Għax wara ftit żmien ikollhom jaħarbu lejn l-Eġittu. Jaħarbu biex jipproteġu lit-tarbija. Għax fejn hemm il-qalb jimxu r-riġlejn. U l-Familja ta’ Nazaret kellha fiċ-ċentru ta’ qalbha, lil binhom Ġesù. Bħala tifel ħalluni ngħidilkom minn qalbi: intom il-kbar komplu ddefenduna. Bħal Marija u Ġużeppi aħarbu bina f’postijiet siguri. Il-flus waħedhom ma jagħmlux la tfal u lanqas tfal maħbubin. Agħżluna u tħallux il-ġenn isir iktar importanti minna. Tibżgħux teħduna fejn jagħmlilna l-ġid anki jekk ma rridux. Tibżgħux tgħidulna “le” fejn hemm bżonn, anki jekk negħjukom ninsistu. Tibżgħux tiġġieldu ma’ min joqgħod jheddidna u jhedded il-ħin tal-familja b’ħafna appuntamenti, lezzjonijiet, provi u training żejda. Tibżgħux tiġġieldu biex l-edukazzjoni fl-iskola tkun biżżejjed mingħajr bżonn ta’ ġiri u privatijiet żejda. Jekk ma tiddefenduniex intom, min se jaqbeż għalina?

Nixtieq nimmaġina x’ħassew Ġużeppi u Marija meta f’nofs ta’ lejl kellhom jaħarbu! Min jaf kemm bkiet Marija! Min jaf Ġużeppi kemm ħassu ħażin li ma jistax jagħti ftit kalma lill-familja tiegħu! U bħalissa qed jiġuni f’moħħi tant ġenituri li laqgħu t-tfal tagħhom bi bżonnijiet speċjali u ta’ kuljum jegħjew jippruvaw jaraw kif se jħobbuhom bl-aħjar mod. Jiġini f’moħħi l-biki fis-skiet tagħhom u l-inkwiet dwar kif se jgħixu fil-futur. Jiġuni f’moħħi l-ġenituri li jibku għax, għalkemm għamlu li setgħu, xorta jħossu li fallew ma’ wliedhom.

Għeżież, għalhekk sabiħa l-istorja ta’ din il-familja, għax iktar ma l-affarijiet jiġuk ħażin, iktar tħossok f’postok magħhom. Iktar ma l-ħajja tagħtik fuq wiċċek, iktar tista’ tħosshom qribek.

It-tama

L-istorja tal-Familja ta’ Nazaret hi sabiħa għax timla bit-tama. Ġużeppi u Marija, meta aċċettaw din il-missjoni, kellhom il-fidi li l-Mulej, li qabbadhom għaliha, se jkun magħhom tul it-triq kollha. Id-diffikultajiet ma sparixxewx. Iżda fid-dlam ta’ Betlehem idda dawl. U fil-mument li Erodi ried joqtol lil binhom, jidher l-anġlu. U fil-mument tal-mewt ta’ binha fuq is-salib, Marija tibqa’ wieqfa u ma tikkrollax.

Kemm jien ferħan li llejla qed ngħidilkom dawn il-kelmiet! Għax dawn mhumiex biss kelmiet ta’ kuraġġ, iżda hi l-verità. Ħalluni naqsam il-ferħ magħkom u nagħmlilkom il-qalb. Morru agħmlu l-qalb ukoll lil tant nies hemm barra li jħossu li l-ħajja hi bla sens. Morru għidu lil dawk li jħossu li fil-ħajja kollox jiġihom ħażin… għidulhom li llum il-Milied!

Ħalluni llum ninqeda bi kliem il-poeżija biex naqsam magħkom dan il-ferħ li għandi.

Ġesù twieled bambin ċkejken,

bin Ġużeppi u Marija,

l-anġli kollha ħarġu jxandru

kollhom ferħ f’dinja mifdija.

Kif qatt tista’ qalbna tifraħ

jekk madwarna għawġ, biki, lfiq,

stejjer koroh, ġlied u dmija,

’qas fi djarna ma nsibu kwiet?

Imm’int għalhekk fil-faqar ġejt

f’lejl kiesaħ u f’għar imneżża’,

biex min f’qalbu jħoss id-dwejjaq

jaf li fejnek ħadd mhu mbeżża’.

Ġew it-tajba, ġew il-ħżiena,

ġew il-maġi u ġew ir-ragħajja,

kulħadd joffri milli għandu

għarkupptejh ħdejn Sid il-ħajja.

X’ma nifraħx, o Bambin ċkejken,

xħin tal-Milied jersaq iż-żmien,

u kulħadd presepju jżejjen

b’siġra ħelwa b’dwal u lwien!

Iżda mhux kulħadd hu bħali,

hawn min qalbu mweġġgħa wisq,

hawn min waħdu jkollu joqgħod,

hawn min tilef imħabba w risq.

Hawn min ħdejn marid fis-sodda

ser iqatta’ dal-Milied,

hawn min jixtieq illi kieku

ġo familtu jieqaf il-ġlied.

Hawn min f’ħabs se jgħaddi għomru,

hawn min żbalja u le maħfur,

hawn min safa f’qalbu mkisser,

hawn min fl-inkwiet moħħu jdur.

Iżda dan hu lejl ta’ tama

għal kull bniedem ta’ did-dinja,

għaliex Alla li sar bniedem,

minn zokk niexef joħroġ rimja.

Għalhekk, ifraħ int li tisma’

mhux biss bl-ikel u r-rigali:

l-ikbar Rigal li rat id-dinja

ġie jitgħabba bl-għelt u l-għali.

Grazzi, grazzi, Bambin tiegħi,

għax għar twelidek mingħajr bieb –

ħalli llejla kulħadd jidħol,

sew jekk għedewwa, sew jekk ħbieb.

Hawn se nieqaf bl-għanja tiegħi

u nħallik torqod ftit ħin,

mhux għax int xi darba torqod:

int Alla bniedem mal-bnedmin!

Viva Ġesù Bambin!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading