Omelija għall-festa tal-Familja Mqaddsa. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Hekk kif bdew il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrainja u l-gwerra bejn Iżrael u l-Palestina, eluf ta’ residenti minn dawn l-erba’ pajjiżi telqu djarhom b’ta’ fuqhom senduqhom (jiġifieri b’dak li setgħu jieħdu magħhom) ħarbu minn pajjiżhom u marru jfittxu kenn x’imkien ieħor: riedu jevitaw il-bombi, in-nirien u djar tal-concrete li kienu qegħdin jaqgħu fuqhom….Dawn in-nies f’din il-kundizzjoni jissejħu: “refuġjati”.

Il-vanġelu tal-lum jitkellem minn Ġesu’, Marija u Ġużeppi bħala “refuġjati”. Biex jiskansaw il-periklu ta’ Erodi li kien qed ifittex li joqtol lil Ġesu’ tarbija, il-familja ta’ Nazaret ħalliet dan ir-raħal żgħir, nistgħu nsejħulu: “bla ġrajjiet”, u telqet bil-lejl lejn l-Eġittu. Ħa nispjegaw bil-mod il-mod il-vanġelu li għadna kemm smajna.

Qabel xejn il-kuntest…Il-Maġi li kienu ġew Betlem biex jaduraw lil Ġesu’ tarbija, issa kienu telqu. Ta’ min jistaqsi: “Kif indunaw b’dan li ġara f’Ġerusalem?” Indunaw b’dan li ġara f’Ġerusalem għax bħala studjużi tal-kwiekeb raw kewkba speċjali li feġġet fil-Lvant u fehmu li f’Ġerusalem kienet ġrat xi ħaġa speċjali. Nafu minn versi oħra li mxew wara din il-kewkba speċjali li wasslithom fejn kien hemm Sultan kbir li kien għadu kif twieled u ġew mill-bogħod biex iqimuh u jippreżentawlu rigali ta’ deheb, inċens u mirra…L-għorrief tal-Knisja jgħidulna li meta tawh id-deheb irrikonoxxewh bħala sultan, meta ppreżentawlu l-inċens irrikonoxxewh bħala Alla u meta ppreżentawlu l-mirra irrikonoxxewh bħala bniedem li kellu jbati biex isalva l-umanita’ marida bid-dnub. Inkomplu…

Il-ħolm ta’ Ġużeppi…Xi ħaġa interessanti: lil Marija Alla jinqeda permezz tal-Anġlu Gabrijel biex iħabbrilha li kellha ssir Omm il-Feddej, lil Żakkarija l-istess: kien dan l-istess Anġlu Gabrijel li ħabbarlu t-tnissil u t-twelid ta’ Ġwanni minn Eliżabbetta li kienet imdaħħla fiż-żmien u mara sterili…Lil Ġużeppi Alla jkellmu dejjem fil-ħolm u Ġużeppi dejjem kapaċi jifhem u jagħraf bejn dak li hu ħolm fieragħ bħal dak li noħolmu aħna u ħolm divin, jiġifieri ħolm ġej minn Alla u allura ta’ min jobdieh. Għalhekk ejjew nagħmlu għażla bejn il-ħolm tad-dinja u l-ħolm ġej minn għand Alla. Meta tobdi l-ħolm tad-dinja ma tħoss ebda sodisfazzjon imma meta tobdi l-ħolm ġej minn Alla tibqa’ tħoss togħma ħelwa f’qalbek, f’ ruħek u fl-ispirtu tiegħek. Tagħlima importanti li nieħdu minn dan il-vanġelu: Ġużeppi dejjem jobda l-ħolm ġej minn għand Alla.

Inkompli din l-omelija fl-okkażjoni tal-festa tal-Familja Mqaddsa billi nirrakkuntalkom storja. Mela kien hemm raġel, ħa nsemmieh “iz-Ziju Ġorġ”. Dan iz-Ziju Ġorġ qatt ma għex ġo familja għax ħajtu kollha għaddieha fuq bastiment, ibaħħar minn pajjiż għall-ieħor. Meta spiċċa mix-xogħol mar joqgħod man-nepputi tiegħu Pietru, raġel miżżewweġ lil waħda Pawla: it-tnejn rabbew familja sabiħa. Mela meta miet iz-Ziju Ġorġ kienu qegħdin iqallbu fil-ħwejjeġ personali tiegħu u fost l-oħrajn sabu envelope magħluq u fuqu kien hemm miktub dawn il-kelmiet: “Teżor Moħbi.” Idejhom rogħda waħda, għax min jaf x’kienu se jsibu, fetħu l-envelope u fuq biċċa karta kien hemm miktubin dawn il-kelmiet: “It-teżor moħbi hu l-familja tagħkom!”

Għadhom ċari f’moħħi d-domandi li kienu jagħmlulna l-mibkijin isqfjiet tagħna l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u l-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi. Kienu jgħidulna hekk: “Għandna familji teżor u għandna familji li qabdu t-triq tan-niżla.” Lkoll kemm aħna nifhmu d-differenza bejn familji teżor u familji li qabdu t-triq tan-niżla. Ma rridx inkun negattiv, anzi nixtieq inkun pożittiv. X’inhu dak li jagħmel familja teżor? Tliet ħwejjeġ:

L-ewwelnett: ikollok famlja teżor meta fiha tinstema’ l-Kelma t’Alla. Dan biżżejjed titftaħ it-television jew ir-radio u tara jew tisma’ quddiesa; ġieli jkun hemm omeliji l-ġmiel tagħhom: omeliji li jiffurmawlek il-kuxjenza tiegħek. It-tieninett ikollok familja teżor meta fiha jinstema’ t-talb; sabiħ ir-rużarju imma forsi jkun tqil biex jingħad kollu kemm hu; allura nirrikorru mqar għal posta waħda. Fl-aħħarnett ikollok familja teżor meta jkun hemm l-imħabba. Hija l-imħabba li torbot kollox flimkien.

Ejjew naħdmu biex ikollna familji teżor, jew knejjes tad-dar. Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II kien kiteb dokument dwar il-familja u jisħaq ħafna fuq din il-knisja tad-dar.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading