Messaġġ tal-Papa Ljun XIV għall-100 jum dinji tal-Missjunijiet (2026)

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦALL-100 JUM DINJI TAL-MISSJONIJIET 2026

[18 ta’ Ottubru, 2026]

Ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin f’missjoni

Għeżież ħuti,

Għall-Jum il-Missjoni 2026, sena ċentenarja taċ-ċelebrazzjoni mwaqqfa’ minn Piju XI, jum tant għal qalb il-Knisja, għażilt it-tema “Ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin f’missjoni”.  Wara s-sena tal-Ġublew nixtieq inħeġġeġ lill-Knisja kollha biex tkompli l-mixja missjunarja bil-ferħ u ż-żelu fl-Ispirtu s-Santu.  Dan jeħtieġ qlub magħquda fi Kristu, komunitajiet rikonċiljati u rieda ta’ koperazzjoni ġeneruża min-naħa ta’ kulħadd.

Aħna u nirriflettu li lkoll aħwa fi Kristu u magħqudin f’missjoni, inħallu l-grazzja divina tmexxina u tispirana, “biex nerġgħu nkebbsu fina l-ħeġġa tal-missjoni” u flimkien insaħħu l-impenn tagħna għall-evanġelizzazzjoni f’din “l-era ta’ missjoni ġdida” fl-istorja tal-Knisja (Omelija, Ġublew tad-Dinja Missjunarja u tal-Migranti, 5 ta’ Ottubru, 2025).

1.  Ħaġa waħda fi Kristu – Dixxipli missjunarji magħqudin miegħu u ma’ ħutna

Il-misteru tal-għaqda ma’ Kristu hu l-qofol tal-missjoni.  Qabel il-Passjoni Ġesù talab lill-Missier. “biex ikunu lkoll ħaġa waħda.  Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġw 17,21).  Dal-kliem juri x-xewqa l-aktar profonda ta’ Ġesù, kif ukoll l-identità tal-Knisja bħala komunità tad-dixxipli tiegħu.  Din hi komunjoni li tnixxi mit-Trinità, u li t-Trinità tkompli ssostnieha. Komunjoni għas-servizz tal-fraternità bejn il-bnedmin kollha u armonija mal-ħolqien kollu.

Primarjament, mintix nisrani minħabba l-prattika jew l-ideat; hajjitna hi għaqda ma’ Kristu, li biha aħna sehem fir-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier fl-Ispirtu s-Santu. Ifisser li nibqgħu fi Kristu, bħal friegħi mad-dielja (ara Ġw 15:4), mgħaddsin fil-ħajja tat-Trinità. Din l-għaqda tagħti lok għal komunjoni reċiproka bejn dawk li jemmnu u hija l-għajn ta’ kull frott missjunarju. Infatti, kif għallem San Ġwanni Pawlu II, “il-komunjoni tirrappreżenta kemm l-għajn kif ukoll il-frott tal-missjoni” (Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici, 32).

F’dal-kuntest, ir-responsabbiltà missjunarja primarja tal-Knisja hi li ġġedded u ssostni l-għaqda fraterna u spiritwali bejn il-membri kollha tagħha.  F’ħafna sitwazzjonijiet nitlaqgħu ma’ kunflitti, polarizzazzjoni, nuqqas ta’ ftehim u nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin.  Meta jiġri dan anki fi ħdan il-komunitajiet tagħna, tiddgħajjef ix-xhieda tagħna. Il-missjoni evanġelizzatriċi li Kristu ta lid-dixxipli tiegħu, fuq kollox, teħtieġ qlub rikonċiljati u ħerqana għall-komunjoni.  Bħala konsegwenza, importanti li nseddqu l-isforzi ekumeniċi bejn il-Knejjes Kristjani kollha, u nibnu fuq l-opportunitajiet li tatna ċ-ċelebrazzjoni flimkien tal-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea.

Fl-aħħar u mhux l-anqas, “li nkunu ħaġa waħda fi Kristu” jitlob minna li nżommu ħarsitna fissa fuq il-Mulej sabiex Hu jkun verament iċ-ċentru ta’ ħajjitna u tal-komunitajiet tagħna u jwassalna biex mistagħġbin ngħidu: “Mhux jien ngħix, imma hu Kristu li jgħix fija” (Gal 2,20).  Meta kontinwament nisimgħu kelmtu, u bil-grazzja tas-Sagramenti, nistgħu nsiru ġebel ħaj tal-Knisja.  Illum il-Knisja msejħa biex tadotta t-temi fundamentali tal-Konċilju Vatikan II u l-Maġisteru tal-Papiet ta’ wara, partikolarment dak tal-Papa Franġisku.  Fil-fatt San Pawl jgħid: “aħna ‘l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna” (2 Kor 4,5).  Għal dir-raġuni ntenni kliem San Pawlu VI: “Ma jistax ikun hemm evanġelizzazzjoni vera jekk l-isem, it-tagħlim, il-ħajja, il-wegħdiet, is-Saltna u l-misteri ta’ Ġesú ta’ Nazaret, l-Iben ta’ Alla, ma jiġux imxandra” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 22).  Dal-proċess ta’ evanġelizzazzjoni ġenwina jibda mill-qalb ta’ kull nisrani biex jilħaq lill-umanità kollha.

Għalhekk,  aktar ma nkunu magħqudin fi Kristu, aktar inkunu nistgħu ilkoll flimkien inwettqu aħjar il-missjoni li fdalna f’idejna.

2. Magħqudin f’missjoni – Sabiex id-dinja temmen fi Kristu l-Mulej

L-għaqda bejn id-dixxipli mhix għan fiha nfisha; il-mira tagħha hi l-missjoni.  Ġesù jistqarr dan ċar u tond: “Sabiex id-dinja temmen li int bgħattni” (Ġw 17,21). Ix-xandir tal-Evanġelju jiskeb il-qawwa komunikattiva tiegħu kollha bix-xhieda ta’ komunità rikonċiljata, fraterna u magħquda.

Minn dil-perspettiva tajjeb niftakru l-motto tal-Beatu Paolo Manna: Il-Knejjes kollha magħqudin għall-konverżjoni tad-dinja”, fi ftit kliem jesprimi l-ideal li nebbaħ it-twaqqif tal-Unjoni Missjunarja Pontifiċja fl-1916.  Fl-okkażjoni tal-100 anniversarju nesprimi l-gratitudni tiegħi u nbierek l-impenn li jispira u jagħti formazzjoni ta’ spirtu missjunarju lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati u lill-fidili lajċi, u jippromwovi l-għaqda tal-isforzi kollha tal-evanġelizzazzjoni.  Fil-fatt, ebda persuna mgħammda mhi meħlusa jew għandha tkun indifferenti lejn il-missjoni: kulħadd, skont il-vokazzjoni tiegħu/tagħha u l-kundizzjoni tal-ħajja, hu sehem f’dil-ħidma kbira li Kristu ħalla f’idejn il-Knisja.  Kif kien ifakkarna spiss il-Papa Franġisku, ix-xandir tal-Evanġelju hu azzjoni li tibqa’ dejjem armonjuża, komunitarja u sinodali.

Għal dir-raġuni l-għaqda fil-missjoni tfisser il-ħarsien u t-trawwim ta’ spiritwalità ta’ komunjoni u koperazzjoni missjunarja.  Billi kuljum trawwem din l-attitudni, il-grazzja divina tgħallimna biex bil-mod il-mod inħarsu lejn ħutna bl-għajnejn tal-fidi. Nitgħallmu wkoll nagħrfu bil-ferħ it-tajjeb li l-Ispirtu jqanqal f’kull persuna, inħaddnu d-diversità bħala teżor, inġorru t-tagħbijiet ta’ xulxin u nfittxu dejjem l-għaqda li tiġi minn fuq.  Tabilħaqq, ilkoll nieħdu sehem f’missjoni waħda “f’Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd u permezz ta’ kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:5-6). Din l-ispiritwalità hi dak li jitħarreġ fih ta’ kuljum id-dixxipulat missjunarju. Tgħinna nirkupraw viżjoni universali tal-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, tgħinna wkoll negħlbu l-frammentazzjoni tal-isforzi u l-ħolqien ta’ “klikek” fost is-segwaċi tal-Mulej wieħed — bħal per eżempju: “Jiena ta’ Pawlu,” “Jiena ta’ Apollo” (ara 1 Kor 1:10-12).

Mhemmx għalfejn ngħidu li l-għaqda ma tfissirx uniformità, iżda l-konverġenza ta’ kariżmi differenti bl-istess għan, jiġifieri li l-imħabba ta’ Kristu nagħmluha viżibbli u nistiednu lil kulħadd biex jiltaqa’ miegħu.  L-evanġelizzazzjoni tinkiseb meta l-komunitajiet lokali jikkoperaw ma’ xulxin u meta d-differenzi kulturali, spiritwali u liturġiċi jkunu mistqarra b’mod sħiħ u armonjuż fl-istess fidi.  Għalhekk inħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-Knisja biex isaħħu s-sens ta’ komunjoni missjunarja ekkleżjali tagħhom u biex jiżviluppaw modi kreattivi u konkreti ta’ kooperazzjoni bejniethom għal, u fil-missjoni.

Rigward dan nixtieq irrodd ħajr lis-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji għas-servizz ta’ kooperazzjoni mal-missjonijiet, ħaġa li bi gratitudni kelli esperjenza tagħha fil-ministeru li kont naqdi fil-Perù.  Dawn is-Soċjetajiet – Il-Propagazzjoni tal-Fidi, Is-Santa Infanzja, San Pietru Appostlu u l-Unjoni Missjunarja Pontifiċja – baqgħu irawmu u jiffurmaw kuxjenza missjunarja fil-fidili ta’ kull età, għadhom jippromwovu nisġa ta’ talb u karità li tgħaqqad flimkien il-komunitajiet madwar id-dinja kollha.  Hawn, ta’ min jinnota li l-fundatur tas-Soċjetà għall-Propagazzjoni tal-Fidi, il-Beata Pauline Marie Jaricot, kienet ħolqot ir-Rużarju Ħaj mitejn sena ilu.  Għadu sal-lum iġib flimkien bosta fidili minn madwar id-dinja biex jitolbu għal kull ħtieġa spiritwali u missjunarja.  Ta’ min jiftakar ukoll li fuq proposta tas-Soċjetà għall-Propagazzjoni tal-Fidi, fl-1926, Piju XI kien waqqaf il-Ġurnata Missjunarja Dinjija.  Il-ġbir kollu li jsir kull sena f’dil-ġurnata jitqassam minn din is-Soċjetà f’isem il-Papa, bħala sapport għall-ħtiġijiet tal-missjoni tal-Knisja.  L-erba’ Soċjetajiet, għalhekk, kemm f’daqqa u anki individwalment fl-ispeċifiċità tagħhom, għandhom rwol ta’ valur għall-Knisja kollha.  Huma sinjal ħaj ta’ għaqda u komunjoni missjunarja ekkleżjali.  Nistieden lil kulħadd biex jaħdem id f’id magħhom bi spirtu ta’ gratitudni.

3. Missjoni ta’ mħabba – it-Tħabbir, l-għejxien u l-qsim tal-imħabba fidila ta’ Alla

Jekk kundizzjoni għall-missjoni hi l-għaqda, l-imħabba hi l-essenza tagħha.  Il-Bxara t-Tajba li aħna mibgħutin inħabbru fid-dinja mhix xi ideal astratt; hi l-Evanġelju tal-imħabba fidila ta’ Alla li sar laħam bil-wiċċ u l-ħajja ta’ Ġesù Kristu.

Il-missjoni tad-dixxipli u tal-Knisja hi li jkomplu l-missjoni ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu: missjoni ġejja mill-imħabba, li tingħex bl-imħabba u li tmexxi lejn l-imħabba.  Fil-fatt, il-Mulej innifsu, fit-talba l-kbira lill-Missier qabel il-Passjoni, wara li talab għall-għaqda fost id-dixxipli, jtemm jgħid: “biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom.” (Ġw17:26).  Imqanqlin mill-imħabba ta’ Kristu, l-Appostli mbagħad ħarġu jevanġelizzaw għal Kristu (cfr 2 Kor 5:14). Bl-istess mod, matul is-sekli, għadd kbir ta’ Nsara – martri, konfessuri u missjunarji – taw ħajjithom biex jagħmlu din l-imħabba divina magħrufa fid-dinja. Għalhekk, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-imħabba, il-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja se tkompli sat-tmiem taż-żmien.

Nixtieq nesprimi l-gratitudni speċjali tiegħi għall-missjunarji ad gentes tal-lum.  Bħal San Franġisk Saverju, huma ħallew pajjiżhom, il-familji tagħhom u kull sens ta’ sigurtà, biex imorru jħabbru l-Evanġelju u jwasslu lil Kristu u mħabbtu f’postijiet li spiss huma diffiċli, foqra, mherrijin bil-kunflitti u kulturalment distanti.  Minkejja kull kuntrarju u l-limitazzjonijiet umani, huma jibqgħu jingħataw bil-ferħ għax jafu li Kristu nnifsu u l-Evanġelju tiegħu, huma l-akbar teżor li nistgħu noffru.  Bil-perseveranza tagħhom juru li l-imħabba t’Alla tittraxxendi kull ostaklu.   Id-dinja għad għandha bżonn dawn ix-xhieda kuraġġużi ta’ Kristu u l-komunitajiet ekkleżjali għad għandhom bżonn vokazzjonijiet missjunarji ġodda.  Dejjem għandna nżommuhom ma’ qalbna u nitolbu lill-Missier għalihom.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja ta’ żgħażagħ u adulti li jagħżlu jħallu kollox warajhom biex jimxu wara Kristu fit-triq tal-Evanġelju sat-trufijiet tad-dinja!

Mimli b’ammirazzjoni lejn dawn l-irġiel u n-nisa missjunarji, nagħmel appell speċjali lill-Knisja kollha biex tingħaqad magħhom fil-missjoni tal-evanġelizzazzjoni bix-xhieda ta’ Kristu f’ħajjitna, bit-talb u bil-kontribuzzjonijiet għall-missjoni. Kif qal San Franġisk ta’ Assisi, “l-Imħabba mhix maħbuba”, u aħna nħarsu lejh b’mod speċjali fit-tmien mitt anniversarju minn meta mar is-sema.  Jalla x-xewqa tiegħu li jgħix fl-imħabba tal-Mulej u jittrażmettiha fil-qrib u fil-bogħod, tkun ta’ ispirazzjoni għalina, għax kif qal “din l-imħabba li tant ħabbitna għandha tkun maħbuba ħafna” (San Bonaventura ta’ Bagnoregio, Il-ħajja ta’ San Franġisk, kap IX, 1; Fonti Francescane, 1161).  Ejjew inħallu wkoll iż-żelu ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù jispirana, hi li qalet li kellha tkompli l-missjoni tagħha anki wara l-mewt: “Meta nkun fis-sema nixtieq inkompli nagħmel dak li qed nagħmel hawn fid-dinja, biex Hu jkun maħbub” (Ittra lill-Abbé Bellière, 24 ta’ Frar, 1897).

Imnebbħin minn dawn it-testimonjanzi ejjew ilkoll nimpenjaw ruħna fil-missjoni kbira tal-evanġelizzazzjoni – li dejjem hi ħidma ta’ mħabba – kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu/tagħha u d-don li rċevejna.  It-talb tagħkom u s-sapport prattiku, partikolrament fil-Ġurnata Missjunarja, għandu jkun ta’ għajnuna kbira biex l-Evanġelju ta’ Alla jitwassal lil kulħadd, speċjalemnt lill-aktar foqra u min hu l-aktar fil-bżonn.  Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira tinbidel f’att ġeneruż ta’ komunjoni missjunarja.  Inġedded l-għożża mimlija gratitudni tiegħi “għal dak kollu li tagħmlu biex tgħinuni ngħin lill-missjunarji madawar id-dinja kollha”(Messaġġ bil-vidjow għall-Ġurnata Missjunarja, 2025). 

Biex inkompli rrawwem komunjoni spiritwali, intikom il-barka tiegħi b’dit-talba sempliċi:

Missier qaddis, agħmilna lkoll ħaġa waħda fi Kristu, b’għeruqna f’imħabbtu li tgħaqqad u ġġedded.  Jalla l-membri kollha tal-Knisja jkunu magħqudin fil-missjoni, doċli għall-Ispirtu s-Santu, kuraġġużi fix-xhieda tagħhom tal-Evanġelju, billi jxandru u jħaddnu kuljum l-imħabba fidila tiegħek għall-ħlejjaq kollha.

Bierek lill-missjunarji rġiel u nisa kollha, weżinhom fil-ħidma tagħhom u indukralhom it-tama tagħhom!

Marija, Reġina tal-Missjonijiet, kun magħna fil-ħidma tal-evanġelizzazzjoni f’kull rokna tad-dinja; agħmilna strumenti tal-paċi, u aqlgħalna l-grazzja li d-dinja kollha tagħraf fi Kristu d-dawl li jsalva.  Ammen.

Mill-Vatikan, 25 ta’ Jannar, 2026, it-Tielet Ħadd taż-Żmien Ordinarju, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.

 LEO PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading