Kitba ta’ Joe Galea
Liċinju u l-Lvant
Hekk kif Kostantinu rebaħ fil-Punent, huwa daħal bħala sħab ma’ Liċinju, li beda jaħkem bħala Imperatur fil-Lvant. Din l-allejanza issaħħet hekk kif dan ta’ l-aħħar iżżewweġ lil oħt Kostantinu, Flavia Giulia Costanza. Nistgħu ngħidu li l-għaqda bejn Kostantinu u Liċinju laħqet l-aqwa tagħha bil-firma tal-Editt ta’ Milan. – Slide 3

Iżda fis-sena 316 wara numru ta’ intriċċi faqqet gwerra bejniethom. Kostantinu ħareġ rebbieħ u ħa parti mill-provinċji li Liċinju kellu fil-Balkani, hekk kif il-paċi irritornat sena wara. Liċinju rtira iżda kien għadu b’saħħtu biżżejjed biex jerġa jisfidà lil Kostantinu. Madanakollu, temporanjament il-paċi kienet re ġiet lura, tant li fuq il-muniti ta’ bdew jidhru l-kelmiet Beata Tranquilitas (imbierka paċi).
Iżda Liċinju baqa’ suspettuż, dan għaliex Kostantinu hekk beda jippreżenta ruħu bħala protettur tal-komunitajiet Insara kollha tal-Imperu. Fl-istess waqt daħal f’allejanza mall-Armeni, poplu Nisrani li kien jinsab fil-Lvant tal-artijiet immexxija min Liċinju. Iżda r-raġuni sabiex il-gwerra bejniethom kellha tibda kienet li fis-sena 323 wK wara numru ta’ attakki mill-Goti (poplu barbaru ta’ oriġini Ġermanika), Kostantinu daħal fil-parti ta’ Liċinju (eżattament qrib Tessalonika), biex joħodha kontrieh.
Liċinju issa iddikjara li l-iskop ta’ Kostantinu kien li jattakka lilu. Dan wasal għal gwerra li din id-darba ntemmet mhux biss bir-rebħa ta’ Kostantinu, imma bil-ogħti tal-mewt lil Liċinju u lil iben Liċinju fir-rebbiegħa tas-sena 325wK. Għalxejn indaħlet għal Liċinju bint Kostantinu. Issa Kostantinu kien mexxej tal-Imperu kollu sew Fil-Punent, imma fuq kollhox fil-Lvant.
Il-Fidi ta’ Kostantinu
Bosta sejħu lil Kostantinu “l-ewwel Imperatur Nisrani”, oħrajn raw f’ Kostantinu mexxej pagan li inqeda bil-fidi Nisranija biex isaħħaħ il-pożizzjoni politika tiegħu. Il-fatt li hu tgħammed ftit qabel ma’ miet jiftaħ it-triq għal bosta spekulazzjonijiet. Iżda fil-verità Kostantinu kien Nisrani? U l-imġieba tiegħu x’turina?
Kostantinu kien inklinat lejn it-twemmin f’Alla wieħed. Dan ma jfissirx li kellu neċessarjament isir Nisrani, iżda żgur illi għen fit-triq tiegħu lejn il-fidi. Tul ħajtu, Kostantinu dejjem kien suldat u politiku; problemi ta’ Teoloġija dejjem rahom diffiċli u kumplikati, iżda b’daqshekk ma jfissirx li ma’ kienx Nisrani. Ħarsa lejn l-imġieba tiegħu fejn tidħol il-familja tiegħu titfa’ dawl dwar dan.
Nafu li bħala mexxej Kostantinu kien imħarreġ sew fl-arti tal-intriċċi, kien bniedem makakk u bħala mexxej ftit li xejn kien lest iħalli lil min jirkbu, b’mod speċjali minn nies ġejjin mill-familja tiegħu stess. Fl-istess waqt huwa kellu rispett u mħabba kbira lejn ommu Elena, forsi minħabba t-tbatija li hi għaddiet minnha meta kienet imwarrba min missieru Kostanzu Kloru. Huwa onoraha billi taha t-titlu ta’ Imperatriċi u żgur li f’dawn iż-żminijiet kienet Nisranija, (għalkemm dwar il-konverżjoni tagħha ftit li xejn għandna dawl). Din ir-rabtà ma’ ommu kienet punt sod f’dinja fejn ftit li xejn kien possibli tagħmel differenza bejn ħbieb u egħdewwa.
Dan il-periklu deher l-aktar fil-każ ta’ ibnu Krispu u mart Kostantinu Fausta. Krispu kien iben Kostantinu min Miervina, aktarx konkubina, sa minn kmieni huwa wera ħila u kapaċità fit-tmexxija. (Il-kelma ‘konkubina’ tirreferi għal mara li tgħix u li jkollha relazzjoni intima ma’ raġel mingħajr ma tkun miżżewġa miegħu legalment, spiss b’istatus soċjali aktar baxx mill-mara tiegħu. Storikament, kienet tinkludi nisa fi ħdan dar li jservu bħala “tieni mara”, komuni f’diversi kulturi u reliġjonijiet.)
Iżda dan ġab l-għira ta’ Fausta mart missieru, li akkużat lil Krispu, x’aktarx b’mod inġust li qed iħejji biex jittradixxi lil Kostantinu. Jidher li l-akkużi foloz ħallew il-frott, għaliex ta’ 21 sena Krispu ġie mogħti l-mewt. Kostantinu aktarx kien konvint li Fausta kienet lejali lejh, dan għaliex hija kienet kixfet il-kumplott ta’ missierha Maximinu meta dan kien ser joħodha ma żewġha. Iżda ommu Elena indunat bil-qerq ta’ Fawsta, u fetħitlu għajnejh għal qerq tagħha. Dan wassal għal qtil ta’ din tal-aħħar.
X’aktarx illi kienu dawn il-ġrajjiet li wasslu biex Elena tmur fil-famuż pellegrinaġġ lejn l-art imqaddsa, li kellu jwassal għat-twaqqif ta’ postijiet ta’ qima fuq il-Qabar ta’ Kristu f’ Ġerusalemm u l-grotta ta’ Betlehem. Ħafna jaħsbu li dan kien ġest ta’ riparazzjoni għal ġrajjiet vjolenti li semmejna. Iżda dak li jimpressjona l-aktar kienet ir-reazzjoni ta’ Kostantinu, li konxju mill-fatt li bħala Imperatur kellu jkollu x’jaqsam ma’ din it-tip ta’ vjolenza, baqà sall-aħħar ma’ jitgħammed. Għalih li tkun Nisrani kienet si ħaġa serja anke fuq il-pjan morali.