Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali – 03/07/1996.
1. Fir-rakkont evanġeliku tal-Viżitazzjoni, Eliżabbetta «mimlija bi Spirtu Santu», waqt li tilqà f’darha lil Marija, tgħid: «Beata dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej » (Lq 1,45). Din il-bejatitudni l-ewwel waħda rriferutha mill-Vanġelu ta’ Luqa, tippreżenta lil Marija bħala dik li bil-fidi tagħha tiġi qabel il-Knisja fl-għarfien tal-ispirtu tal-bejatitudni.
L-eloġju minsuġ minn Eliżabbetta lill-fidi ta’ Marija huwa mqawwi mill-konfront mal-aħbar tal-anġlu lil Żakkarija. Qari superfiċjali taż-żewġ annunnzjazzjonijiet jistà jikkonsidra simili t-tweġibiet ta’ Żakkarija u ta’ Marija lill-messaġġier divin: «Kif nistà nagħraf dan? Jien xiħ u marti hija avanzata fiż-żmien», igħid Żakkarija; u Marija: «Kif jistà jseħħ dan? Ma nagħrafx raġel» (Lq 1,18.34). Imma d-differenza profonda bejn id-dizpożizzjonijiet intimi taż-żewġ grajjiet toħroġ mill-kliem stess tal-anġlu, li jindirizza lil Żakarija ċanfira għan-nuqqas ta’ twemmin tiegħu, waqt li joffri b’mod indirett tweġiba għall-mistoqsija ta’ Marija. B’differenza minn żewġ Eliżabbetta, Marija taqbel għal kollox mal-pjan divin, waqt li ma għaqqdet il-kunsens tagħha ma’ ebda sinjal viżibbli.
Lill-anġlu li jipproponilha li ssir omm, Marija tindikalu l-iskop tagħha ta’ verġinità. Hija, waqt li temmen fil-possibiltà tat-twettiq tal-aħbar, tistaqsi lill-messaġġier divin biss dwar il-modalità tat-twettiq tagħha, biex twettaq aħjar ir-rieda ta’ Alla, li feħsiebha twettaq u biex tafda lilha nfisha b’disponibiltà totali. «Fittxet il-mod, ma ddubitatx mill-omnipotenza ta’ Alla», jikkummenta Santu Wistin.1
2. Ukoll il-kuntest li fih jitwettqu ż-żewġ annunzjazzjonijiet jikkontribwixxi biex jeżalta l-eċċellenza tal-fidi ta’ Marija. Fir-rakont ta’ Luqa naħtfu s-sitwazzjoni l-iktar favorevoli ta’ Żakkarija u l-inadegwezza tat-tweġiba tiegħu. Huwa jirċievi l-aħbar tal-anġlu fit-tempju ta’ Ġerusalem, fuq l-altar quddiem il- «Qaddis tal-Qaddisin» (cf. Es. 30,6-8); l-anġlu jindirizzah waqt li qed joffri l-inċens, mela waqt it-twettiq tal-funzjoni tiegħu saċerdotali, f’waqt saljenti ta’ ħajtu: id-deċiżjoni divina tiġi lilu kkomunikatha waqt viżjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari jiffavorixxu fehim iktar faċli tal-awtentiċità divina tal-messaġġ u jikkostitwixxu mottiv ta’inkuraġġiment biex jilqagħha minnufih.
Laħbar ta’ Marija sseħħ, iżda, f’kuntest iktar sempliċi u ferjali, mingħajr l-elementi esterni ta’ santità li jakkumpanjaw dak il-fatt lil Żakkarija. Luqa ma jindikax il-post preċiż li fih isseħħ l-Annunzjazzjoni tat-twelid tal-Mulej: jirreferi biss li Marija kienet tinsab f’Nażżaret, raħal ftit importanti, li ma jidhirx predestinat għall-ġrajja. Barra minn dan, l-evanġelista ma jatribwixxix rilevanza singolari għall-waqt li fih l-anġlu jirrendi ruħu preżenti, billi ma jippreċiżax iċ-ċirkustanzi storiċi. Fil-kuntatt mal-messaġġier ċelesti l-attenzjoni tiffoka fuq il-kontenut ta’ kliemu, li jesiġi minn Marija smigħ intens u fidi pura.
Din l-aħħar konsiderazzjoni tippermettilna napprezzaw il-kobor tal-fidi f’Marija, speċjalment jekk imqabbla mat-tendenza li titlob b’insistenza, ilbieraħ bħal-lum, sinjali sensibbli biex temmen.
Il-kunsens tal-Verġni għar-rieda divina huwa mmotivat, iżda, biss mill-imħabba tagħha għal Alla.
3. Lil Marija huwa propost li taderixxi għal verità ferm iktar għolja minn dik imħabbra lil Żakkarija. Dan huwa mistieden biex jemmen fi twelid tal-għaġeb li se jitwettaq fl-intern ta’ għaqda matrimonjali sterili, [18] li Alla jrid jirrendi fertili: intervent divin analogu għal dawk li kienu bbenefikaw minnu diversi nisa tat-Testment il-Qadim: Sara (cf. Ġen 17,15-21; 18,10-14), Rakele (cf. Ġen 30,22), Omm Sansun (cf. Imħ 13,1-7), Anna, omm Samwel (cf. 1Sam 1,11-20). Fit-tali episodji tiġi enfasizzatha b’mod speċjali l-gratuwità tad-don ta’ Alla.
Marija hija msejħa biex temmen f’maternità verġinali, li bħalha t-Testment il-Qadim ma jirrikordja ebda preċedent. Fir-realtà l-magħruf oraklu ta’ Iżaija: «Hekk hu: il-verġni tnissel u twelled iben, li ssejjaħlu Emmanuele» (Iż 7,14), għalkemm ma jeskludix tali prospettiva, kien interpretat b’mod espliċitu f’dan is-sens biss wara l-miġja ta’ Kristu, u fid-dawl tar-rivelazzjoni evanġelika.
Lil Marija huwa mitlub li tilqà verità qatt espressa fiż-żmien preċedenti. Hija taċċettaha b’kuraġġ sempliċi u u suġġestiv. Bil-mistoqsija: «Kif iseħħ dan?» li jirrikonċilja l-verġinità mal-maternità tagħha eċċezzjonali u unika.
Waqt li jwieġeb: «L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek tifrex id-dell tiegħu il-qawwa tal-Iktar Għoli» (Lq 1,35), l-anġlu joffri s-soluzzjoni ineffabbli ta’ Alla għall-mistoqsija magħmula minn Marija. Il-verġinità, li donnha kienet ostaklu, issir il-kuntest konkret li fih l-Ispirtu Santu jopera fiha l-konċepiment li jiftaħ it-triq għall-koperazzjoni tal-Verġni mal-Ispirtu Santu fil-ġenerazzjoni ta’ Ġesù.
4. Fit-twettiq tal-pjan divin tattwa ruħha l-kollaborazzjoni libera tal-persuna umana. Marija, waqt li temmen il-Kelma tal-Mulej, tikopera għat-twettiq tal-maternità mħabbra.
Is-Santi Padri tal-Knisja sikwit jenfasizzaw dan l-aspett tal-konċepiment verġinali ta’ Ġesù. B’mod speċjali Santu Wistin, waqt li jikkummenta l-Vanġelu tal-Annunzjazzjoni, jisħaq: «L-anġlu jħabbar, il-Verġni tismà, temmen u tikonċepixxi».2 U mill-ġdid: «Il-Kristu huwa emnut u mnissel permezz tal-fidi. L-ewwel tivverifika ruħha l-miġja tal-fidi fil-qalb tal-Verġni, u wara l-fertilità fil-ġuf tal-Omm ».3
L-att ta’ fidi ta’ Marija ifakkar il-fidi ta’ Abraham, li fil-bidu tal-Patt il-Qadim emmen f’Alla, u b’hekk sar il-proġenitur ta’ posterità numeruża(4). Fil-bidu tal-Patt il-Gdid Marija wkoll bil-fidi tagħha teżerċita influss deċiżiv fuq it-twettiq tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, bidu u abbozz tal-Missjoni feddejja kollha ta’ Ġesù.
Ir-rapport strett bejn fidi u fidwa, enfasizzat minn Ġesù fil-ħajja pubblika tiegħu (cf. Mk 5,34; 10,52; ecc.), jgħin biex ikun mifhum ukoll ir-rwol fundamentali li l-fidi ta’ Marija eżerċita u jkompli jeżerċita fil-konfront tal-fidwa tal-ġeneru uman.
NOTI
1 Sant’Agostino, Sermo 291.
2 Sant’Agostino, Sermo 13 in Nativitate Domini.
3 Sant’Agostino, Sermo 293.
4 Cf. Gen 15,6; Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 14.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb