Il-Papa f’Santa Marta: Il-kalunja toqtol

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 15 ta’ April 2013: Il-kalunja teqred l-opra ta’ Alla għaliex titwieled mill-mibegħda. Hija l-bint ta’ missier il-gideb u trid iġġib lill-bniedem fix-xejn billi tbiegħdu minn Alla. Jekk il-kalunja hija żiffa, kif ikanta Bażilju fil-Barbiere di Siviglia, għall-Papa Franġisku hi riħ qawwi. Dan qalu nhar it-Tnejn filgħodu, 15 ta’ April 2013, waqt is-solita quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-kalunja hija antika daqs id-dinja u nsibu riferimenti għaliha diġà fit-Testment il-Qadim. Biżżejjed naħsbu dwar l-episodju tar-reġina Ġeżabel bil-vinja ta’ Nabot, jew għal dak ta’ Susanna biż-żewġ imħallfin. Meta wieħed ma setax jikseb xi ħaġa bis-sewwa, bit-triq id-dritta, kien juża l-kalunja, li teqred. U dan, ikkummenta l-Papa, iġegħilna naħsbu: aħna lkoll aħna midinbin.  Ilkoll għandna d-dnubiet. Imma l-kalunja hija ħaġ’oħra. Hija dnub, imma hija wkoll xi ħaġa iktar, għaliex trid teqred l-opra ta’ Alla u titwieled minn xi ħaġa tassew krudila: titwieled mill-mibegħda. U min iħeġġeġ il-mibegħda huwa Satana. Il-gidba u l-kalunja jmorru id f’id, għaliex għandhom bżonn waħda tal-oħra biex jgħaddu ’l quddiem. U bla ebda dubju ta’ xejn, żied il-Papa, fejn hemm il-kalunja, hemm Satana. Proprju hu.

Il-Papa Franġisku mbagħad ħa spunt minn salm 118 moqri fil-liturġija tal-jum, biex jispjega kif iħossu l-ġust li jisfa kkalunjat: ‘Ukoll jekk il-qawwija jpoġġu u jikkalunjawni, is-serv tiegħek jimmedita d-digrieti tiegħek. It-tagħlim tiegħek huwa l-ħlewwa tiegħi.’ F’dan il-każ il-ġust huwa Stiefnu l-protomartri, li dwaru kien jirreferi l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli. Stiefnu jħares lejn il-Mulej u jobdi l-liġi. Huwa l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ xhieda ta’ Kristu li żejnu l-istorja tal-Knisja. Mhux biss fl-imgħoddi imma wkoll fi żmienna għandna bosta martri. Hawn, f’Ruma, żied il-Qdusija Tiegħu, għandna tant xhieda ta’ martri, nibdew minn Pietru. Imma ż-żmien tal-martri ma ntemmx: ukoll illum nistgħu fis-sewwa ngħidu li l-Knisja għandha iktar martri milli kellha fiż-żmien tal-ewwel sekli.

Infatti, il-Knisja għandha tant irġiel u nisa li huma kkalunjati, li huma ppersegwitati, li jiġu maqtula b’mibegħda għal Ġesù, b’mibegħda għall-fidi. Uħud jiġu maqtula għaliex jgħallmu l-katekiżmu, oħrajn għaliex iġorru s-salib.  Il-kalunja ssib spazju f’bosta pajjiżi fejn l-Insara jinsabu ppersegwitati. Dawn huma ħutna li llum qegħdin ibatu, f’dan iż-żmien tal-martri, sostna l-Papa filwaqt li żied li hemm bżonn li naħsbu dwar dan. Il-Papa mbagħad ġibed l-attenzjoni dwar li l-epoka tagħna hija kkaratterizzata minn iktar martri minn dik tal-ewwel sekli. Dawn huma ppersegwitati minħabba l-mibegħda: huwa proprju d-demonju li jiżra’ l-mibegħda f’dawk li jwettqu l-persekuzzjonijiet.

Waqt li reġa’ tkellem dwar Stiefnu, il-Papa fakkar li dan kien wieħed mid-djakni ordnati mill-Appostli. Huwa żied li jidher mimli bil-grazzja u bil-qawwa u għamel għeġubijiet kbar, sinjali kbar fost il-poplu, u mexxa l-Evanġelju ’l quddiem. Allura, diversi bdew jiddiskutu miegħu dwar Ġesù: jekk Ġesù kienx il-Messija jew le. Dik id-diskussjoni iżda saret qawwija u dawk li kienu jiddiskutu miegħu ma felħux jirreżistu għall-qawwa tiegħu, għall-għerf tiegħu, għax-xjenza tiegħu. U x’għamlu?, staqsa l-Papa. Minflok ma talbuh spjega, għaddew għall-kalunja biex jeqirduh. Billi l-battibekk pulit, bejn bnedmin tajbin, ma marx tajjeb, erħewlha għat-triq tal-ġlieda maħmuġa: il-kalunja. Sabu xhieda foloz, li qalu: ‘Dan ma jagħmilx għajr jitkellem kontra dan il-post, kontra l-liġi ta’ Mosè, kontra dan, kontra dak.’ L-istess kienu għamlu lil Ġesù.

Fl-epoka tagħna kkaratterizzata minn tant maltempati spiritwali, il-Papa stieden biex nirriflettu dwar ikona medjevali tal-Verġni, il-Madonna li tgħatti bil-mant tagħha lill-poplu ta’ Alla. Ukoll l-ewwel antifona Latina tal-Verġni Marija hija Sub tuum presidium. Għalhekk, qal il-Papa, aħna għandna nitolbu lill-Madonna biex tipproteġina għax fiż-żmien tal-maltemp spiritwali l-post l-iktar sikur huwa taħt il-mant tal-Madonna. Infatti hija l-omm li tieħu ħsieb il-Knisja. U f’dan iż-żmien ta’ martri, hija l-protagonista tal-protezzjoni: hija l-Omm.

Il-Papa mbagħad stiedem biex ikollna fiduċja f’Marija u ngħollu lejha t-talb tagħna li għandu jibda ‘Taħt il-protezzjoni tiegħek’, u biex niftakru f’dik l-ikona antika bil-mant tagħha jgħatti l-poplu.  Hija l-Omm.  

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: